Reliġjon
Jappellaw biex ma jżeffnux aktar tfal fin-nofs

Fid-dawl tal-każ ta’ Ella Agius, it-tifla bl-awtiżmu li ġiet imċaħħda miċ-ċertifikat tal-preċett minħabba l-kundizzjoni tagħha, il-Kunsill Konsultattiv għall-Awtiżmu qal li l-preparamenti li kienu mwiegħda qatt ma saru.

Ella Agius, li ngħatat l-ewwel tqarbina tagħha mill-Arċisqof Charles Scicluna, wara li din iċċaħdet mill-parroċċa tagħha, mill-2017 kienet imwiegħda li se jsiru xi preparamenti biex tkun tista’, bħal tfal oħra, tieħu l-ewwel tqarbina.

Iżda, għal xi raġuni, il-preparamenti qatt ma saru u fil-ġurnata tal-preċett, Ella sabet ruħha f’diffikultà biex titqarben.

Il-Kunsill qal li l-każ ta’ Ella Agius kellu jiġi analizzat qabel il-ġurnata tal-preċett biex jiġi evitat li t-tifla tispiċċa f’ċentru ta’ polemika. Għalhekk, il-Kunsill qal li jixtieq jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min hu responsabbli biex ma jitraskurax u jevita li jżeffen lit-tfal b’xi kundizzjonijiet fin-nofs.

Il-Kunsill tenna li l-inklużjoni għandu dritt għaliha kulħadd u m’għandha qatt tiġi imminata minn traskuraġni.