Lokali
Jappellaw biex ma tkunx approvata pompa tal-petrol f’Ħal Luqa

Disa’ organizazzjonijiet mhux governattivi appellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tapprovax l-applikazzjoni għal pompa tal-petrol f’Ħal Luqa għax qalu li din tkun att ta’ sfreġju ambjentali.

L-għaqdiet għamlu l-appell tagħhom qabel il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jikkunsidra zewg applikazzjonijiet għal bini ta’ żewġ pompi tal-petrol ġodda, f’Ħal Luqa u fil-Mosta.

Huma qalu li dawn il-pompi mhumiex pompi iżda stabbilimenti kummerċjali. Qalu li l-biża’ tagħhom hija li l-vot li kien indikat li jkun kontra, idur u jiġi favur minħabba indħil.

Huma appellaw lill-Gvern biex jipproteġi l-ODZ kif kien wiegħed. Qalu li l-awtoritajiet huma distakkati mir-rabja tan-nies dwar il-bini fuq art ODZ. Għalhekk talbu li dawn iż-żewġ applikazzjonijet ma jiġux approvati.

L-għaqdiet qalu li jixtiequ jkunu jafu x’ġara mir-reviżjoni tal-fuel station policy. Huma qalu li din il-policy review ġiet ippubblikata mill-ERA imma għadha ma ġietx approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar.