Lokali
Jappellaw kontra l-approvazzjoni tal-proġett tad-DB Group

Tliet Kunsilli Lokali, disa’ organizzazzjonijiet u diversi residenti ta’ Pembroke ressqu l-appell tagħhom mat-Tribunal tal-Ippjanar dwar id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar biex il-proġett tad-DB Group ikun jista’ jsir fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal li l-appell seta’ jsir bl-appoġġ tal-pubbliku fejn inġabret is-somma ta’ €20,000.

L-appellanti talbu li titħassar id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tippermetti lid-DB Group jibni żewġ torriijiet ta’ 18 u 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular.

L-appell sar mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan, is-Swieqi, ACT Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta, The Archaeological Society Malta, Għaxar residenti ta’ Pembroke u s-Swieqi u bl-appoġġ ta’ BirdLife Malta u Ramblers Association of Malta.