COVID-19
Japplikaw 215-il ħaddiem għall-iskema tal-ħaddiema mis-settur turistiku biex jaħdmu bħala contact tracers

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li fl-ewwel 24 siegħa mindu fetħet l-iskema biex ħaddiema mis-settur turistiku jaħdmu bħala contact tracers, applikaw diġà 215 il-ħaddiem.

Aktar minn 8,000 ħaddiem fis-settur turistiku rċevew taħriġ online bla ħlas f’dan iż-żmien tal-Covid-19 biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Dan intqal mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat rendikont tal-ħidma li qed issir fil-portafoll tagħha. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li anke l-iskema biex ħaddiema mis-settur turistiktu jaħdmu bħala contact tracers waqt il-pandemija, qiegħda tara konkorrenza inkoraġġanti.

”Fl-aħħar 24 siegħa diġà kellna 215 persuna li wriet l-interess tagħha li tagħti daqqa t’id f’settur importanti waqt il-pandemija, il-contact tracing, u naħseb illi din linizjattvia ser tagħi spinta ‘l quddiem biex aħna nkunu aktar effiċjenti kif isir il-contact tracing.”

Dwar il-budget għat-turiżmu għas-sena d-dieħla, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li b’allokazzjoni ta’ €95 miljun, dan huwa għaxar miljun Ewro aktar minn ta’ din is-sena. Il-Ministru qalet li l-flus se jintefqu biex ikompli jitjieb il-prodott turistiku Malti. Sostniet li l-vouchers li ser jitqassmu s-sena d-dieħla mistennija li jħallu mat-€30,000 fl-industrija turistika. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Gvern ser ikun qiegħed jirriġenera żoni turistiċi fosthom f’Buġibba, Wied il-Għajn, u Wied iż-Żurrieq, li ilhom ma jkunu riġenerati għall-dawn l-aħħar 30 sena.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika, Deo Debattista qal li l-Gvern ser ikompli jinvesti fit-tindif ta’ żoni turistiċi. Dwar l-Awtorità Maltija għall-Konsumatur Dr Debattista qal li ser tkun qiegħda żżid is-servizzi online, u ser tkun qiegħda twaqqaf taqsima tal-infurzar biex iħares id-drittijiet tal-konsumatur Malti meta jixtru minn fuq l-internet.