Lokali
ARA: Jaqbeż f’baħar imqalleb u jsalva tfajjel ta’ 14 mill-għarqa f’Tas-Sliema

Membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu biex jassistu f’salvataġġ ta’ raġel u tfajjel li sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar f’Tas-Sliema.

Tfajjel ta’ 14-il sena miċ-Ċina u raġel Libjan ta’ 37 sena ntlemħu f’diffikultà kbira fl-inħawi ta’ Qui-si-Sana tard l-Erbgħa filgħaxija.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7.00 pm meta l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ġew mgħarrfa li żewġ persuni kienu jinsabu fil-periklu li jegħrqu.

Filmat miġbud minn crew ta’ TVM juri t-tfajjel jinġibed minn Shaun Meli, raġel żagħżugħ li mingħajr ma ħasibha darbtejn qabeż fil-baħar biex isalvahom bl-għajnuna tal-Pulizija u tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili li użaw ħabel biex jiġbduhom lejn l-art, fuq dak li kien is-sit tax-Chalet. Xhieda fuq il-post qalu li ma kienx għal Meli, iż-żagħżugħ kien imut.

Wara ttella’ wkoll ir-raġel Libjan, b’TVM infurmat li anki t-tabib tal-emerġenza qabeż fil-baħar biex jassisti fl-operazzjoni ta’ salvataġġ li rat ukoll is-sehem tal-Forzi Armati Maltin li ħarġu jassistu b’dinghy.

Iż-żewġ persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza iżda l-kundizzjoni tagħhom għadha mhux magħrufa.

Filmat u ritratti: Marco Micallef – TVM