It-traffic lights f’Tas-Sliema se jibqgħu jixegħlu oranġjo – il-buslane sospiża

Il-kumitat nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, immexxi mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, qal li f’laqgħa li kellu llum dwar it-traffic lights fi Triq ix-Xatt il-Gżira, kien hemm qbil li dawn jixegħlu oranġjo (flashing amber) u li tiġi sospiża l-bus lane fl-istess triq.

Fi stqarrija ngħad li dan dan hu l-aħjar mod ta’ kif jista’ jiġi mmaniġġjat it-traffiku bħalissa, waqt li għaddej il-proġett tal-Kappara.

Fakkar li skont il-Highway Code, id-dawl oranġjo, ifisser li s-sewwieqa għandhom jagħtu prijorità lil min ikun qed jaqsam. Meta ma jkun qed jaqsam ħadd, is-sewwieqa jistgħu jibqgħu jsuqu, iżda b’kawtela. Dan il-mod huwa wieħed sigur, kemm għas-sewwieqa kif ukoll għal min ikun qed jaqsam bil-mixi.

Transport Malta biddlet din is-sistema bħala parti mill-pjan ta’ rotot alternattivi waqt l-andament tal-proġett, fid-dawl tal-fatt li t-triq hija l-aktar rotta li minnha joħorġu vetturi minn Tas-Sliema. Ignaħd li kieku ma sarx hekk, il-vetturi kien ikollhom jieqfu aktar spiss u dan iwassal għal konġestjoni akbar.

Dan il-pjan ġie kkomunikat lill-Kunsilli Lokali wara li Transport Malta għamlet laqgħat ta’ konsultazzjoni.

L-istqarrija żiedet tgħid li fl-aħħar jiem tneħħew it-tabelli tal-bus lanes matul l-istess triq u dawn ġew sospiżi bħala parti mill-istess pjan ta’ rotot alternattivi waqt l-andament tal-proġett tal-Kappara.