Jaqbżu l-1,000 dawk li mietu minħabba l-mewġa kbira ta’ sħana fl-Indja

L-imwiet ikkaġunati mill-mewġa ta’ sħana li qed taħkem l-Indja, qabżu l-1,000 hekk kif it-temperatura kompliet togħla biex f’ċerti nħawi laħqet qrib il-50C.

Ħafna mill-imwiet seħħew fl-istati fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, l-aktar Telangana u Andhra Pradesh fejn mill-ġimgħa l-oħra mietu minn tal-inqas 1,118.

Rapporti qed jgħidu li minn tal-inqas 24 ruħ oħra mietu f’West Bengal u f’Orissa.

It-temperaturi mistennija tinżel f’xi partijiet fil-jiem li ġejjin.

L-isptarijiet jinsabu fuq allert biex jitrattaw pazjenti li jidħlu għall-kura b’xi xemxata filwaqt li l-awtoritajiet għadhom qed jagħtu l-parir lin-nies biex kemm jista’ jkun jibqgħu ġewwa u ma joħorġux u jixorbu ħafna fluwidi.

Il-mewġa tas-sħana fl-aktar stati milqtua fin-nofsinhar tal-Indja ilha għaddejja minn nofs April, iżda l-maġġoranza tal-imwiet seħħew fl-aħħar ġimgħa.