Qasam soċjali
Jaqdfu bil-kajak għal xahar biex jgħinu lill-Inspire

Dorian Vassallo ta’ 63 sena u Albert Gambina ta’ 60 sena huma duo li huma magħrufa għal ħafna snin, l-iktar bl-isfidi li għamlu bl-isem ta’ ‘Kayak for Charity’.

It-tnejn li huma għandhom esperjenza twila fil-qdif fit-tul u ilhom jaqdfu għall-karità għal dawn l-aħħar 15-il sena.

Albert Gambina huwa wkoll kaptan tal-baħar b’esperjenza varja f’diversi bċejjeċ tal-baħar u għalih il-qdif tal-kajak huwa sport li jista’ jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor għax bil-flus li jiġbor għall-karità flimkien mal-ħabib tiegħu Dorian qed jagħmlu l-ġid.

L-isfida li se jagħmlu fl-aħħar ta’ Lulju se tkun iebsa ħafna imma xejn mhu se jaqta’ qalb lil Albert u Dorian għax ilhom xhur jitħarrġu biex ikunu b’saħħithom biżżejjed għal sfida kbira fejn se jaqdfu minn Malta għal Sqallija, iduru dawra ma’ Sqallija mbagħad lura għal Malta.

Se jdumu fuq il-baħar għal bejn tlieta u erba’ ġimgħat, skont kif se jkun it-temp. Dan ifisser tbatija kbira għaliex iridu jibqgħu bilqegħda u jaqdfu għal madwar 15-il siegħa kuljum.

“Din kontinwazzjoni ta’ dak li għamilna qabel, qsamna minn Sqallija għal Malta u mit-Tuneżija għal Malta, u dejjem l-għan li jinġabru flus għall-karità”, sostna Gambina.

Xi sfidi jgħaddu minnhom meta jdumu ġranet sħaħ bilqegħda jaqdfu?

“L-ikbar sfida hija l-għejja, bejn 16 u 18-il siegħa naqdfu, kemm nieqfu ftit biex nieklu malajr”, iżid jgħid Vassallo.

Albert u Dorian qalulna li huma konxji tat-tbatija fiżika u anke mentali li se jgħaddu minnha iżda jekk jinġabru biżżejjed flus għall-Fondazzjoni Inspire, li toffri servizzi u sapport lil tfal u adulti b’diżabilità, allura din it-tbatija tkun tat il-frott li xtaqu.

“Kull naqra tgħin, jekk il-figura li lħaqna tkun iktar minn qabel, iktar ma jinġabru iktar aħjar”, ikompli Gambina.

Id-dettalji dwar din l-isfida jinstabu fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni Inspire.