X

ARA: Waqqaf it-titjiriet wara li saq għal fuq ir-runway f’Lyon

It-titjiriet mill-ajruport ta’ Lyon, fi Franza, jinsabu wieqfa sas-6.00 tal-lejla, hekk kif raġel li kien qed jiġi segwit mill-Pulizija saq għal fuq ir-runway.

Fil-filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali l-karozza tidher qed tinstaq b’veloċità qawwija għal fuq ir-runway, fejn f’mument minnhom tkun ukoll se tinqaleb.

Il-karozza tidher taħbat ma’ xi oġġetti qabel ma tieqaf, bis-sewwieq joħroġ minnha u jipprova jaħrab bil-pass. Għadd kbir ta’ pulizija b’diversi vetturi jidhru jiġru warajh sakemm qabduh.

Lyon huwa r-raba l-iktar ajruport bieżel fi Franza, minn fejn jitilqu ħafna mit-titjiriet tal-EasyJet u l-Air France. It-titjiriet li diġà jinsbu fl-ajru fi triqthom lejn Lyon qed jintalbu jinżlu f’Geneva, Grenoble, Marseille jew Nice, filwaqt li dawk li kellhom jitilqu minn Lyon ġew ikkanċellati.