Afrika
Jaqsam l-esperjenzi tiegħu fil-Ghana f’wirja ta’ ritratti

Il-Ghana hu l-aħħar pajjiż fl-Afrika fejn Malta fetħet ambaxxata. Ir-relazzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi se jkunu fuq l-aġenda ta’ żjara statali f’Malta l-ġimgħa d-dieħla mill-President tal-Ghana.

Ir-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż ħadu spinta fl-aħħar sentejn, bi żjara mill-President Marie-Louise Coleiro Preca fis-sajf tal-2017 u l-ftuħ ta’ ambaxxata Maltija fil-belt kapitali, Accra.

Fil-Ghana, hemm ukoll monument tal-ġenerożità tal-Maltin; l-isptar HopeXchange, li nbena u ġie attrezzat b’fondi li nġabru mill-poplu Malti. Mhux ta’ b’xejn li n-nies tal-lokal isejħu din il-faċilità medika bħala “l-isptar Malti”. Fotografu u cameraman li għamel jiem ta’ xogħol fl-isptar u l-madwar biex iħejji dokumentarju dwar dan ir-rigal tal-Maltin lill-poplu tal-Ghana qed itella’ fil-Parlament wirja ta’ ritratti milli ħa. Jgħid li l-lezzjoni li ħa minnhom hi kemm wieħed għandu japprezza s-sempliċità.

Fil-bidu tas-sena, Jonathan Mercieca, li jaħdem bħala cameraman u fotografu kellu esperjenza ta’ xogħol mhux tas-soltu. Bl-apparat tiegħu, vvjaġġa lejn il-Ghana biex jipproduċi dokumentarju dwar sptar li nbena u ġie attrezzat bi flus li nġabru minn Malta. Qal li l-mument li l-aktar li ħalla impatt fuqu hu meta t-tfal ġew wiċċ imb wiċċ mat-teknoloġija li juża ta’ kuljum.

“Mumenti partikolari kienu sbieħ għalija meta tajjarna drone. Dawn ma tantx jaraw teknoloġija. Jew meta ħadna stessi magħhom, jiġu ħdejk u jitbissmu, uħud minnhom jaraw wiċċhom probabbli għall-ewwel darba,” spjega s-Sur Mercieca.

Qal li l-akbar tagħlima li ħa kienet kemm hemm sabiħ fis-sempliċità – tant li għadhom immarkati f’moħħu mumenti li ma rnexilux jiġbed bil-kamera.

“Xena ta’ mara qed tilqa’ raġel quddiem id-dar, qed tgħannqu, rajtha waqt li konna għaddejjin bil-vann; għext il-mument u rajtha tifraħ tilqa’ lil din il-persuna fid-dar tagħha. Xħin tara dar, ma tarax dar kif nafuha aħna imma garaxx, kamra mitluqa u mudlama għax qas dawl m’għandhom ħafna minnhom imma jifirħu għax hemm sens ta’ relazzjonijiet u sens ta’ komunità bejniethom.”

L-isptar li nbena mill-Maltin fil-belt ta’ Kumasi għandu 80 sodda u jispeċjalizza fuq nisa u tfal. Nikol Baldacchino mill-Ghana Mission Foundation qal li l-apprezzament fil-Ghana għal dak li għamlu magħhom il-Maltin hu kbir.

“Esperjenza sabiħa hi ta mara li binha kien għadu kemm ħareġ mis-sala tal-operazzjoni tirringrazzja lilna u lil pajjiżna. Esperjenza oħra ta’ mara li ġiet operata f’sidirha, li bid-dmugħ f’għajnejha qalet li llum kieku m’għadniex ħajja, kieku ma kontux intom il-Maltin,” irrakkonta s-Sur Baldacchino.

Is-Sur Baldacchino qal li l-isptar għad jonqsu jinvesti f’aktar tagħmir u appella biex konsulenti u speċjalisti Maltin jagħmlu esperjenza ta’ xogħol volontarju f’dan l-isptar kif qed jagħmlu diġà kirurgi ewlenin minn għadd ta’ sptarijiet fl-Ewropa.

Ritratti tal-esperjenzi li ltaqa’ magħhom fil-Ghana Jonathan u ta’ dak li sar bil-ġenerożità tal-Maltin, jinsabu esebiti fil-binja tal-Parlament, f’wirja bit-tema ‘Uċuħ ta’ Tama’.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Shamison Stafrace minn Bormla tressaq il-Qorti akkużat b’hold up f’ħanut f’Raħal Ġdid fis-16 ta’ April li għadda. Il-Pulizija xlietu b’serq aggravat, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li fera…

Mużika

Jumejn konsekuttivi ta’ kunċerti b’xejn fuq il-Fosos tal-Floriana b’inizjattiva tal-Awtorità tat-Turiżmu: għada mill-kantant tal-band Ingliża Oasis, Liam Gallagher, . . . u llejla mill-BBC Concert Orchestra b’kunċert ta’ mużika klassika…

Immigrazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-Gvern qed ikompli juri li m’għandux pjan bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija. Qal li sejbiet bħal ta’ dalgħodu fil-Marsa huma prova ta’ immigranti li…

Infrastruttura

Il-Kamra tar-Rappreżentanti approvata riżoluzzjoni biex jinbidlu kundizzjonijiet f’kuntratti li kienu saru bejn il-Gvern u l-kumpanija Fortel – sid tal-lukanda Fortina fis-snin disgħin u fis-sena 2000. Ir-riżoluzzjoni kienet approvata wara li…

Aktar