Lokali
Isibu soluzzjoni temporanja għal persuni li jużaw ir-rampa fejn hemm il-kolonna tal-festa

Wara li dalgħodu ġie ppubblikat ritratt ta’ kolonna li ntramat f’rampa f’Birkirkara, il-Kumitat tal-Festa Sant’Elena sab soluzzjoni temporanja.

Aktar kmieni ma’ TVM persuna qalet li kif ġieli jintrama l-armar dan ikun inkonvenjent għall-persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti.

Ritratt meħud f’Birkirkara juri li kolonna ġiet armata eżatt f’rampa ta’ quddiem ATM. Il-persuna qalet li dan hu inkonvenjent għaliha għax ma tkunx tista’ tmur tagħmel użu mill-ATM. Hija stqarret li għamlet diversi ilmenti dwar dan iżda saħqet li sena wara sena l-affarijiet ma nbidlux.

Dwar dan irreaġixxiet il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), li  b’dispjaċir qalet li membri tal-kleru responsabbli mill-festa rreżistew kull tibdil li seta’ jwassal għal soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Fi stqarrija, is-CRPD qalet li l-unika konċessjoni li ġiet offruta kienet dik li l-armar ikun l-ewwel wieħed li jitneħħa l-għada tal-festa. Is-CRPD qalet li din mhix aċċettabbli għaliex id-dritt għall-aċċess hekk kif stipulat fil-liġijiet Maltin ma jistax jiġi sospiż għal ġimgħa b’rispett lejn anġlu tal-kartapesta!

Il-Kummissjoni għamlet rapport l-Għassa ta’ Birkirkara fejn ġie spjegat kif l-armar qiegħed jostakola l-aċċess liberu għal persuni li jużaw il-wheelchair u ntalbet azzjoni immedjata sabiex titranġa s-sitwazzjoni. Il-membri tal-kleru responsabbli ġew avviċinati mill-Compliance Unit tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni għamlet rapport l-għassa dwar l-inkonvenjent u l-inġustizzja li nħolqot fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, qed tħares ‘il quddiem li tikkollabora mal-entitajiet kollha involuti fl-armar tal-festi sabiex jinstabu soluzzjoniet li jiggarantixxu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità b’rispett lejn it-tradizzjonijiet Maltin.

Sadanitant il-Kumitat Festa Sant’Elena kiteb fuq Facebook li sab soluzzjonni proviżorja biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitilgħu l-bankina quddiem l-ATM. Mir-ritratt imxerred mill-Kumitat jidher li saret rampa tal-injam biswit ir-rampa fejn hemm armata l-kolonna.