Jattendu 68% biss għal-lezzjonijiet tal-eżamijiet riparatorji

Erba’ mitt żagħżugħ biss ħadu l-opportunitajiet tal-iskema garanzija għaż-żgħażagħ.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo wera dizzapunt li l-iskema li toffri opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ, attirat biss 400 żagħżugħ minkejja li potenzjalment hemm madwar 7,000 li kellhom jidħlu fl-iskema.

Il-Ministru Bartolo qal dan waqt li żar l-istudenti li bħala parti mil-garanzija taż-żgħażagħ qed jattendu lezzjonijiet biex jagħmlu l-eżamijiet riparatorji tas-SEC.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li trid issir ħidma akbar biex l-istudenti ma jaqtgħux qalbhom fis-sistema edukattiva.

Huwa qal dan waqt li żar l-MCAST f’Raħal Ġdid fejn għall-ewwel darba qed isiru lezzjonijiet b’xejn lill-istudenti li weħlu f’xi wieħed mill-erba’ suġġetti ewlenin fl-eżamijiet tas-SEC.

Għalkemm kien hemm 1,337 student li applikaw għal dawn l-lezzjonijiet jidher li kważi terz minnhom qatgħu qalbhom għax fil-fatt huma 68 fil-mija tal-applikanti kollha li qed jattendu dawn l-lezzjonijiet bi preparazzjoni għall-eżamijiet riparatorji li ser isiru f’Settembru li ġej.

Il-Ministru Bartolo stqarr li dan ukoll huwa fatt li jinkwetah.

Il-Ministru Bartolo qal li biex ma jkollniex iktar żgħażagħ jaqtgħu qalbhom, jeħtieg li dawn it-tip ta’ klassijiet jibdew isiru fi stadju aktar bikri fis-sistema edukattiva.

Il-Ministru Bartolo qal li Malta trid iżżid il-pass biex tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea biex aktar studenti ikompli jistudju fil-livell terzjarju.