Qorti
Jeħel 3 snin ħabs wara li poġġa mus m’għonq tfajla biex jisirqilha l-basket

Eks militant Libjan intbagħat il-ħabs wara li nstab ħati li ħebb għal tfajla b’mus biex jisirqilha l-basket.

Munir Mohammed Ali Gammudi, li fl-irvelli tal-Libja kien militant favur Gaddafi, kien akkużat b’serq bi vjolenza f’każ li seħ fit-18 ta’ Frar tas-sena l-oħra f’San Ġiljan.

Inżamm minn żewġ bouncers sakemm ġew il-pulizija

Il-Qorti semgħet kif żewġ tfajliet Maltin kienu qed ipejpu sigarett, meta żewġt irġiel, wieħed minnhom l-akkużat, waqfu ħdejhom u talbuhom wieħed. F’ħin bla waqt Munir Mohammed poġġa mus m’għonq waħda mit-tfajliet u ħadilha l-basket.

Iż-żewġ tfajliet telqu jiġru warajh, filwaqt li bdew isejħu għall-għajnuna. Żewġ ħaddiema tas-sigurtà tal-istabbiliment Playground semgħuhom jgħajtu, u għalhekk waqqfu lil Munir Mohammed li rawh għaddej jiġri, u żammewh sakemm ġew il-pulizija.

Ibati minn problemi psikoloġiċi marbuta ma’ trawma

Fost oħrajn, xehed l-Ispettur Matthew Spagnol, li qal li sakemm kien arrestat, Munir Mohammed beda jħabbat rasu mal-ħajt u jgħajjat, u kellu jittieħed Monte Carmeli.

Xehdet ukoll uffiċjal tal-probation, li qalet li l-akkużat isofri minn għadd ta’ problemi psikoloġiċi, fosthom post traumatic stress disorder u diżordni tal-personalità, fejn ammetta li huwa aggressiv.

Il-Qorti ma temminx li t-tfajla qalgħet daqqiet ta’ mus fl-istonku

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, m’emmnitx lit-tfajliet li Munir Mohammed kien ta wkoll daqqiet bil-mus fl-istonku ta’ waħda minnhom, u li din ma ġralha xejn għax kellha l-kowt. L-Avukat Ġenerali wkoll kien ta’ din il-fehma, tant li tneħħiet l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Il-Qorti qieset iżda li Munir Mohammed huwa riċediv, fejn diġà nstab ħati ta’ żewġ reati oħra. Fir-rigward tas-saħħa mentali tiegħu, il-Qorti qalet li għandu bżonn intervent immedjat għax huwa ta’ theddida għas-soċjetà u għalih innifsu.

Minbarra li bagħtet lil Munir Mohammed 3 snin ħabs, il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ trażżin fil-konfront taż-żewġ tfajliet, kif ukoll li jiġi mgħarraf il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival ta’ Malta jinżel fl-istorja mhux biss għall-karrijiet, u kostumi u maskeruni ikkuluriti, iżda wkoll għat-temp tar-rebbiegħa li għamel f’nofs ix-xitwa. U dan huwa element importanti fir-renju tal-bluha li għat-tielet…

Teknoloġija

L-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, li għandha r-responsabiltà li tirregola s-settur tad-Distributed Ledger Technologies u l-Intelliġenza Artifiċjali, għaddejja b’taħdidiet ma’ numru ta’ entitajiet fosthom Transport Malta u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tintuża l-aħħar teknoloġija…

Saħħa

Rapport annwali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard juri li f’temp ta’ għaxar snin il-każijiet ġodda ta’ HIV f’Malta sparaw il-fuq. Kienu 72 persuna li tul is-sena li għaddiet irriżultaw…

Qasam soċjali

Taqra l-brevjar minn fuq it-tablet waqt li qed tagħmel id-dijalisi, Suor Agnes Zammit qalet li din hija r-realtà li ilha tgħixha għal dawn l-aħħar xahrejn għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Hija…

Aktar