Qorti
Jeħel 3 snin u nofs ħabs fuq traffikar ta’ kokaina minn appartament f’Marsalforn

Jean Pierre Mamo ta’ 35 sena miż-Żebbuġ Għawdex ġie kkundannat 42 xahar ħabs u multa ta’ €1,000, wara li nstab ħati li f’Jannar 2018 u fix-xhur ta’ qabel, ittraffika d-droga kokaina, kien fil-pussess aggravat tal-istess drogi, li kiser ordni ta’ probation mgħotija mill-Qorti tal-Appell Kriminali fl-2016 u li rrenda ruħu riċediv.

Mill-provi ħareġ li l-pulizija kellha informazzjoni li Mamo kien qed jittraffika d-droga minn appartament f’Marsalforn Għawdex. Wara li l-pulizija arrestat lil Mamo, għamlet tfittxija fl-appartament, u sabet aktar minn 42 gramma droga kannabis u aktar minn 10 grammi droga kokaina f’kamra li kienet imsakkra b’katnazz, u ċ-ċwievet tagħha kienu biss għand Mamo.

Minbarra d-droga, il-pulizija kienu sabu wkoll oġġetti relatati mal-pussess u traffikar ta’ droga kif ukoll diversi messaġġi fuq il-mobile ta’ Mamo, li juru li kien jittraffika d-droga u li kien jixtri d-droga sabiex jittraffikha. Ħareġ ukoll li Mamo baqa’ ma ndikax lill-Pulizija min kienet il-persuna li kien qiegħed ifornih id-droga biex hu jkun jista’ jbigħha.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qalet li l-Qorti filwaqt li tifhem li l-imputat ikun għaddej minn żmien diffiċli, fl-ebda ħin u bl-ebda mod m’għandu jwassal biex titnaqqas ir-responsabilità kriminali ta’ dak li seħħ u jiġġustifika dak li għamel l-akkużat. Il-Qorti qalet li Mamo kien qed ibiegħ id-droga lil diversi persuni, u kien qed jikkontribwixxi biex dawn il-nies jaqbdu u jkomplu vizzju li seta jkissrilhom u jeqirdilhom ħajjithom.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-akkużat lanqas ħa l-opportunità li tagħtu l-Qorti tal-Appell bl-ordni ta’ probation biex jirregola l-istil ta’ ħajja tiegħu u għalqstant ikkundannatu għal total ta’ 42 xahar ħabs u multa ta’ elf ewro, kif ukoll ordnatlu li jħallas kważi €4,300 fi spejjeż tal-esperti.