Qorti
Jeħel 4 snin ħabs wara li nqabad jisraq minn appartament ta’ koppja anzjana

Matthew Camilleri deher quddiem il-Qorti akkużat b’serq ta’ ġojjelli u affarijiet oħra minn appartament ta’ anzjani f’Attard.

Camilleri ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih iżda l-Pulizija taw evidenza li l-imputat kien fl-akkwati xħin seħħet is-serqa hekk kif kixfu l-mobile tiegħu stess. Barra minn hekk kemm il-vittma li ġiet misruqa kif ukoll persuna oħra li tgħix fl-istess blokka raw lill-imputat dik inhar tas-serqa u għarrfuh meta ġew mistoqsija jidentifikawh.

Il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud ikkunsidra li l-imputat huwa riċediv u qal li xorta baqa’ jagħżel il-ħajja ta’ kriminalità, każ wara l-ieħor u għalhekk qal li ma jifdallux triq oħra ħlief li jimponi sentenza ta’ priġunerija. Qal li mal-kriminali barra li jbatu l-vittmi jbatu wkoll il-familjari li jagħmlu minn kollox biex ma jarawx lil uliedhom ikomplu jaqgħu fiċ-ċirku vizzjuż tal-kriminalità.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Joseph Mifsud bagħtet lill-imputat 4 snin priġunerija u ordnatu jħallas €1,529 fi spejjeż tal-qorti.