Qorti
Jeħel 4 snin ħabs wara li nstab ħati ta’ aggressjoni u serqa f’Ħal Qormi

Darren Brinat intbagħat erba’ snin ħabs u weħel multa ta’ €116.47 wara li kien akkużat li fera żewġ persuni u seraq minn banka tal-lottu.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, Brincat ġie mixli li nhar it-18 ta’ Settembru, ikkaġuna ferita gravi lil Matthew Mario Grech f’bar fi Pjazza Narbona, Ħal Qormi.

Kien akkużat ukoll, li jumejn qabel, fi stabbiliment tal-lottu fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi kkommetta serqa ta’ madwar €200 fi flus kontanti. Ma’ dan huwa kien mixli wkoll li żamm kontra l-volonta tagħha mara li kienet fuq il-post u li ferriha ħafif. Akkużi oħra li affaċċja kienu li ġarr sikkina bla permess u li kien riċediv.

Minkejja li huwa talab maħfra għal dak li wettaq u qal li jiddispjaċih, il-Qorti nnotat li l-akkużat għandu fedina penali kkulurita.

Flimkien mas-sentenza ta’ priġunerija u l-multa, huwa kien ordnat iħallas ukoll €1,256 bħala spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex Brincat jingħata l-għajnuna u t-trattament meħtieġ.