Lokali
AĠĠORNAT – 6 snin ħabs wara li ħebb għal Yana Mintoff b’sikkina u pprova jqabbad id-dar

L-ex sieħeb ta’ Yana Mintoff Bland kien ikkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ lil Mintoff u lil binha b’daqqiet ta’ sikkina, kif ukoll li ta n-nar lid-dar tagħha f’Ħal Tarxien.

Il-każ imur lura għall-24 t’Ottubru 2016, meta nqala’ argument bejn Gheorghe Popa, Rumen ta’ 40 sena, u Yana Mintoff Bland, li magħha kien f’relazzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, semgħet kif Mintoff riedet ittemm ir-relazzjoni u ppakkjat il-bagalji ta’ Popa. Kien hawn li huwa ħebb għaliha u għal binha Daniel Mainwaring b’sikkina.

Wara Popa kien tela’ fuq il-bejt fejn pprova jqabbad id-dar, u kellha tissejjaħ il-Protezzjoni Ċivili. Huwa kien ukoll weġġa’ lilu nnifsu u spiċċa fil-periklu tal-mewt.

Popa jittieħed l-isptar b’ambulanza wara li ta daqqiet ta’ sikkina lilu nnifsu

L-esperti mediċi taw xhieda dwar il-feriti tat-tliet persuni, fejn intqal li Popa kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu u kien tilef ħafna demm. Mintoff Bland kellha daqqa f’sidirha u oħra f’dirgħajha, li iżda ma kinux gravi. Binha wkoll kellu daqqa ta’ sikkina li kienet deskritta bħala ġerħa ħafifa.

Popa nstab ħati li weġġa’ lil Mintoff Bland u binha ħafif, kif ukoll li pprova jweġġahom b’mod gravi iżda mhux joqtolhom. Huwa nstab ħati wkoll li qabad arma kontrihom u li ta n-nar lir-residenza.

Madankollu huwa ma nstabx ħati li ssekkwestra, hedded u ta fastidju lil Mintoff Bland, u li ġarr arma regolari jew li ġarr sikkina ‘l barra mid-dar.

Il-Qorti rrimarkat li qatt ma jista’ jkun ġustifikat aġir bħal dak ta’ Popa, fejn persuna ma taċċettax id-deċiżjoni tas-sieħeb jew is-sieħba tagħha li tkun trid ittemm ir-relazzjoni, u għalhekk qalet li trid tibgħat messaġġ li din it-tip ta’ vjolenza mhix aċċettata.

Il-Qorti kkonkludiet ukoll li Popa huwa ta’ periklu mhux biss għal Mintoff Bland u Mainwaring, iżda wkoll għas-soċjetà inġenerali.

Minbarra sitt snin ħabs huwa kien ordnat ukoll iħallas €12,661 fi spejjeż tal-esperti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.

Ara wkoll:

Feriment f’Ħal Tarxien: Yana Mintoff u binha jindarbu ħafif – Rumen jindarab gravi

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Is-sena li għaddiet, l-elettriku ġenerat mis-sistemi tal-panelli fotofoltajiċi f’Malta kien aktar minn 22% milli kien ġenerat fl-2016. Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2017, ġew ġenerati 155.3 meawatts per…

Lokali

Waqt li l-Parlament illejla ser jivvota dwar l-emendi għal-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni, fil-Qorti nfetħet kawża kostituzzjonali b’talba biex din tiddikjara li l-emendi huma nulli għaliex jiksru l-Kostituzzjoni. Dan l-iżvilupp seħħ sigħat…

Lokali

Il-Qorti Maltija rreferiet 48 każ lill-Bord tar-Rijabilitazzjoni ta’ persuni ħatja ta’ reat marbut ma’ pussess tad-droga fit-tliet snin li l-Bord ilu mwaqqaf. Dan tħabbar mill-Minsitru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta ppreżenta…

Aktar