Qorti
Jeħel 7 snin ħabs wara 11-il sena li seraq minn residenza f’Ħaż-Żabbar

Christopher Scerri ta’ 41 sena residenti Ħaż-Żabbar ġie kkundannat seba’ snin ħabs fi tmiem kawża li l-każ dwarha jaf il-bidu tiegħu fis-6 ta’ Settembru 2009 meta Scerri seraq minn residenza f’Ħaż-Żabbar.

Scerri nstab ħati b’serq aggravat a detriment ta’ koppja anzjana li tgħix fir-residenza li sfat fil-mira ta’ Scerri 11-il sena ilu. Huwa nstab ħati wkoll li kiser kundizzjonijiet imposti mill-Qorti f’sentenzi differenti fosthom waqt li kien f’perjodu ta’ sentenza sospiża u talli sar riċediv.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ikkundannat lil Scerri għal total ta’ 7 snin ħabs: sentejn għal każ tas-serqa, tliet snin ħabs oħra talli kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi sospiżi u sentejn oħra ħabs li nbidlu minn ordni oħra tal-Qorti ta’ liberta kkundizzjonata.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-akkużat sabiex iħallas €1,028.03 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.

Il-każ ġie assenjat lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Mifsud b’digriet tal-Prim Imhallef fit-22 ta’ Frar 2019 wara li s-sentenza li ngħatat mill-ewwel Qorti fl-24 ta’ Settembru 2018 kienet annullata mill-Qorti tal-Appell fl-14 ta’ Frar 2019.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka b’mod estensiv fuq id-dewmien fil-kawżi fil-Qrati. Huwa rrefera għal sentenza li tat l-Imħallef Edwina Grima f’Jannar li għadda u li fiha qalet fost oħrajn li għalkemm kull każ għandu jitqies individwalment, meta l-każ jitwal eċċessivament, ikun hemm lezzjoni tad-dritt għal smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli għax huwa fid-dmir tal-Qorti li tara li trażżan id-dewmien mhux ġustifikat.

Ikkwota wkoll ir-raġunijiet imsemmija fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex każ jinstema’ fi żmien raġjonevoli fosthom għax id-dewmien ipoġġi fil-periklu l-effettività u l-kredibilità tal-ġustizzja u jħalli lill-akkużat għal żmien twil fi stat ta’ inċertezza fuq il-verdett u effettivament id-destin tiegħu.