Qorti
Jeħel multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li żamm xi klieb f’gaġeġ żgħar

Noel Attard, ta’ 39 sena mir-Rabat Għawdex, deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat b’moħqrija fuq żewġt iklieb.

Fil-Qorti nstema’ kif f’April li għadda, l-impuat kien iżomm xi klieb imsakkrin f’garaxx fiż-Żebbuġ, Għawdex, f’gaġeġ żgħar

Wara li ġie mwissi diversi drabi minn uffiċali tal-Animal Welfare, biex iħalli lill-klieb liberi jiġru fil-garaxx jew ikabbar il-gaġeġ kif xieraq, l-uffiċjali ħadu azzjoni meħtieġa wara li l-imputat naqas milli jagħmel kif mitlub.

Fil-Qorti nstema’ kif uffiċjali tal-Animal Welfare flimkien ma’ veterinarju marru jispezzjonaw il-post u sabu żewġt iklieb f’gaġeġ żgħar fejn ma setgħux jiċċaqalqu fihom. Instab ukoll li l-klieb ma kienux reġistrati kif titlob il-liġi.

L-imputat ġie ordnat mill-qorti jħallas multa ta’ €2,500 talli ħaqar lill-klieb billi żammhom fi spazju ristrett kif ukoll li naqas milli jirreġistrahom bil-liġi.