Qorti
Jeħel sentejn ħabs il-ġuvni li sabbat u qatel kelb tal-but

Ġuvni ta’ 23 sena kien ikkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li ħaqar annimal, u nstab ħati li rreżista bi vjolenza lill-Pulizija.

Il-Qorti semgħet kif fil-21 ta’ Lulju li għadda, omm Leon Borg marret fl-għassa ta’ Birkirkara biex tirrapporta li binha kien bela’ kaxxa pirmli u sar aggressiv.

Il-Pulizija qalet li marret fir-residenza u sabet lil Borg fuq il-kamra tal-bejt, fejn x’ħin kien se jinżel ċedew il-knatan bih, waqa’ għal ġo bokka ta’ xaft u ġie fuq folja tal-fibre li nqasmet bih.

Wara dan l-inċident huwa daħal fid-dar, fejn meta mistoqsi mill-Pulizija ċaħad li ħa xi pirmli, iżda mill-but ħareġ 45 pillola li tahom lill-Pulizija. Huwa qal li ma kinux preskritti mit-tabib.

Il-Pulizija qalet li f’ħin minnhom Borg kisser il-mobile ta’ ħuh iż-żgħir, imbagħad x’ħin il-kelb tal-but beda jinbaħ, dan qabdu minn saqajh u sabbtu darbtejn fuq il-komodina. Il-kelb, li kien jismu Otis, miet iktar tard.

Il-Pulizija qalet li kellha tuża l-forza biex tarresta lil Borg, li beda jirreżisti, b’kuntistabbli minnhom li sofra xi brix.

Il-Qorti qieset ir-rapport tal-uffiċjali tal-probation, li rrakkomanda li Borg jingħata sentenza ta’ ħabs effettiva, hekk kif naqas ripetutament li josserva l-kundizzjonijiet tal-Qorti, u għalhekk qal li m’hemmx lok li ssir superviżjoni fil-komunità.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qalet li għandu jintbagħat messaġġ lil dawk li jaħqru l-annimali, għax dawn l-atti mhumiex aċċettabbli.

Waqt li kkwotat lil Mahatma Gandhi, li qal li l-kburija ta’ pajjiż imkejla mill-mod kif dan jitratta l-annimali tiegħu, il-Qorti qalet li l-poplu Malti ma tantx għandu għalxiex jiftaħar għax minn żmien għal żmien qed joħorġu rapporti ta’ moħqrija fuq l-annimali.

Il-Qorti sostniet ukoll li ħadd m’huwa skużat jekk jhedded jew b’xi mod iweġġa’ uffiċjal tal-Pulizija. Qal li ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mill-ewwel u l-Pulizija għandhom jiġu murija rispett anki f’mumenti ta’ tensjoni.

Minbarra li kien ikkundannat sentejn ħabs effettivi, Borg kien immultat €5,000.

Ara wkoll:

Jinżamm arrestat wara li sabbat kelb u qatlu quddiem il-Pulizija

Jixhdu l-Pulizija li raw lil Leon Borg isabbat kelb tal-but