Qorti
Jeħlu l-ħabs talli ħarġu ċekkijiet li ma jissarrfux f’isem il-banda ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid

Tliet irġiel, wieħed minnhom avukat, li kienu jokkupaw l-ogħla karigi fil-każin tal-banda ta’ Lourdes ta’ Raħal Ġdid, weħlu bejn 4 snin u sentejn ħabs kull wieħed, wara li nstabu ħatja ta’ qerq meta ffirmaw eluf ta’ ewro f’ċekkijiet li ma setgħux jissarrfu.

Il-Qorti semgħet kif Vincent Farrugia, li kien President, Josef Grech, li kien Segretarju u Omar Caruana, li kien Teżorier, kienu firmatarji konġunti għall-kont bankarju tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes waqt li Grech u Caruana waħedhom kienu wkoll firmatarji konġunti ta’ kont f’isem l-Għaqda Mużikali Santu Wistin. Iż-żewġ kontijiet kienu mal-bank APS.

Intqal li sa minn Novembru 2008 dawn kienu joħorġu ċekkijiet biex jixtru ‘money orders’ mingħand il-Maltapost, jiddepożitaw il-money orders fil-kont, u jerġgħu joħorġu ċekkijiet mill-istess kont lill-terzi. Intqal li din il-proċedura tissejjaħ ‘kite flying’ għax ikun qed jingħata kreditu fittizju sakemm xi ħadd jibqa’ b’ċekkijiet li ma jissarrfux.

Fil-Qorti ntqal li f’inqas minn ħmistax f’Jannar 2009 nxtraw 64 ‘money orders’ b’total ta’ €36,000 bi 15-il ċekk tal-APS; 13 li kienu jgħajtu lill-banda ta’ Lourdes u tnejn lill-banda ta’ Santu Wistin, bil-Maltapost li spiċċat sofriet telf ta’ kważi €20,200.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia ma laqgħetx l-argumenti tal-akkużati, fosthom li dak li għamlu kien approvat mill-Kumitat, li l-flejjes maħruġa kienu kollha qed jintużaw għas-soċjetajiet mużikali, jew li għamlu l-money orders flok ċekkijiet diretti biex iħallsu lill-bandisti.

Meta qieset il-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom li Grech għandu 10 kundanni oħra għal diversi reati, waqt li Farrugia għandu 9 kundanni. Għalkemm Caruana għandu kondotta nadifa, dan huwa avukat, bil-Qorti tgħid li din hi professjoni bbażata fuq il-fiduċja tal-pubbliku.

Għalhekk il-Qorti għaddiet biex tikkundanna lit-tliet imputati sentenza effettiva ta’ ħabs; 4 snin għal Grech, 3 snin għal Caruana, u sentejn għal Farrugia. Huma kienu ordnati wkoll biex iħallsu lura lil Maltapost il-flejjes li tilfet.

Aġġornat: Sadanittant, is-Soċjetà Filarmonika 11 ta’ Frar li twaqqfet f’Novembru tal-2011 iddisassoċjat ruħha minn dan il-każ li sar mill-għaqda mużikali banda Lourdes, li ġiet xolta fl-2010.