Lokali
Sentenza sospiża wara li xerrdu materjal pornografiku ta’ tfajla minorenni

Żewġ ġuvintur, wieħed ta’ 21 sena  u ieħor ta’ 20 sena tressqu l-Qorti akkużati b’pussess ta’ materjal pornografiku ta’ minuri li xerdu bejniethom. Huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Prosekuzzjoni mmexija mill-Ispetturi Joseph Busuttil, John Spiteri u Justine Grech qalet li r-ritratt tal-vittma ġie trasmess bejn iż-żewġ imputati meta kien għadhom ma’ għalqux it-18-il sena u li t-tfajla fir-ritratt kienet madwar sena iżgħar minnhom.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużati għandhom jingħataw forma ta’ għajnuna anki għaliex mindu għalqu t-18-il sena, biddlu ħajjithom.

L-avukat difensur Franco Debono talab lill-Qorti li m’għandhomx jingħataw sentenza effettiva ta’ ħabs.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, rat l-akkużi u l-ammissjoni tal-akkużati u fehmet li l-akkużati kienu taħt l-età meta wettqu r-reat. Il-Qorti qalet li huwa inkwetanti ħafna li tisma’ li tfal taħt l-età jikkomettu reati ta’ din il-portata li huma serji u gravi u li jistgħu jkollhom konsegwenzi koroħ ħafna fuq il-persuni li tagħhom ir-ritatti jkunu ġew skambjati. Il-Maġistrat qal li wisq jibża’ li s-soċjetà tal-lum għandha allerġija għad-dixiplina u hija wisq ibbażżata fuq insistenza għad-drittijiet mingħajr ma naraw id-doveri.

Il-Qorti osservat li akkużati fehmu u biddlu ħajjithom u għalhekk li l-Qorti mhix se tagħtihom sentenza ta’ ħabs effettiva imma sospiża. Il-Qorti sabithom ħatja tal-akkużi miġjuba kontihom u kkundannathom 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li tikkundannhom li jħallsu spejjeż tal-esperti.

L-ismijiet l-akkużati ma jistgħux jiġu ppubblikati fuq ordni tal-Qorti.