Qorti
Jeħlu sentenza sospiża fuq każi ta’ droga li seħħew bejn 12 u 17-il sena ilu

Żewġt irġiel weħlu sentenzi sospiżi ta’ ħabs u mmultati €1,500 kumplessivament wara li nstabu ħatja f’każi separati relatati mad-droga.

Dennis Borg li llum għandu 41 sena fl-2007 kien ġie akkużat b’pussess u traffikar tad-droga kokaina. Huwa nstab ħati, bil-Maġistrat Neville Camilleri fis-sentenza jispjega li bis-saħħa ta’ emendi fil-liġi dwar id-droga u d-dipendenza fuqha, fuq każi li jmorru lura sew fis-snin fejn anke jista’ jirriżulta li l-akkużat ikun irriforma ruħu, il-Qorti tista’ tapplika sentenza sospiża. Borg weħel 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat €1,000.

It-tieni każ imur iktar lura u seħħ fl-2002 meta Jason Abela ġie akkużat b’pussess ta’ droga eroina. Abela li għandu 48 sena nstab ħati wkoll u ingħata sentenza ta’ 12-il xahar ħabs sospiż għall-sentejn.

Għaż-żewġ akkużati deher l-Avukat Joe Giglio.