Lokali
Jeħtieġ titjib infrastrutturali fis-swali tal-Isptar Monte Carmeli – Dr John Cachia

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jinnota li pazjenti li jużaw faċilitajiet tal-kura tas-saħħa mentali qed jiġu indukrati aħjar, b’88% minnhom jgħidu li huma trattati b’dinjità u rispett. Iżda, f’rapport annwali li jagħti stampa tal-faċilitajiet li joffru kura tas-saħħa mentali, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, it-tabib John Cachia jappella għal titjib infrastrutturali, b’mod partikolari f’uħud mis-swali tal-Isptar Monte Carmeli.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali appella għal titjib infrastrutturali u għat-tisħiħ tal-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà f’uħud mill-faċilitajiet u s-swali tal-Isptar Monte Carmeli. Qal li dan huwa meħtieġ biex jilħqu l-livelli tas-sala psikjatrika fl-Isptar Mater Dei. Il-Kummissarju, it-tabib John Cachia sejjaħ ukoll biex pazjenti li għandhom problema ta’ droga u saħħa mentali ma jibqgħux jitħalltu ma’ pazjenti oħrajn.

Dr John Cachia qal li “hemm bżonn li nistratifikaw is-sitwazzjoni, naqsmuha f’partijiet iżgħar biex tkun iktar għas-sodisfazzjon u l-ħtieġa ta’ nies li għandhom il-problema.”

Dr Cachia ssuġġerixxa servizz ġdid għal dawk mingħajr saqaf fuq rashom u li ghandhom problemi tad-droga u ta’ saħħa mentali. Qal li dawn għandu jkollhom xelter apposta għalihom biex dawn ma jiqbgħux għal riħhom u fl-istess ħin ma jostakolawx il-kura ta’ pazjenti oħra.

F’rapport li jagħti ħarsa lejn is-servizz offrut f’37 faċilità fis-settur tas-saħħa mentali, l-Uffiċċju jinnota li aktar minn 85% ta’ dawk li jużaw is-servizz iħossuhom stmati tajjeb mill-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom. Iżda, Dr Cachia qal li d-dedikazzjoni tal-ħaddiema ma tpattix għan-nuqqas t’investiment f’uħud mill-faċilitajiet.

“L-infrastruttura li noffru lil nies li għandhom problemi ta’ saħħa mentali biex nagħtuhom il-kura li għandhom bżonn trid toqrob ħafna ħafna iżjed lejn id-dedikazzjoni, il-kura u r-rispett li dawn il-pazjenti jirċievu mingħand l-istaff” żied jgħid Dr John.

Dr Cachia qal li s-saħħa mentali għandha tkun trattata mingħajr preġudizzju mis-soċjetà. Qal li l-istigma fuq persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali għandha tkun diskussa fuq livell nazzjonali biex iktar nies ma jibzghux ifittxu l-għajnuna meta jkollhom bżonn.