Lokali
Jekk illum se tneħħi l-maskra qis li ċ-ċertifikat tal-vaċċin ikun fuqek

Mil-lum il-Ħamis ir-residenti f’Malta u Għawdex se jkunu jistgħu joqogħdu f’postijiet pubbliċi mingħajr maskra fi gruppi ta’ mhux iktar minn żewġ persuni. Dan wara li se jidħlu fis-seħħ anqas restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-COVID-19 f’Malta.

Madankollu l-awtoritajiet tal-pajjiż qed javżaw biex f’każ li persuna titlaqqam biż-żewġ dożi u għada se tneħħi l-maskra fi spazji pubbliċi, jeħtieġ li ikollha fuqha ċ-ċertifikat tal-vaċċin . Dan għall-fatt li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jista’ jintalab mill-uffiċjali tal-infurzar biex jaċċertaw li l-persuna verament hija mlaqqma kompletament.

L-awtoritajiet qed jappellaw biex il-pubbliku jżomm fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin stampat jew iżomm kopja diġitali taċ-ċertifikat tal-vaċċin fuq il-mobile.

Dwar l-ivvjaġġar minn u lejn Malta, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li minn għada, l-ewwel ta’ Lulju, iċ-ċertifikat tat-tilqim ta’ Malta se jkun rikonoxxut mal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, Malta se tagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Qal li għalkemm ir-Renju Unit m’għadux fl-Unjoni Ewropea, iċ-ċertifikat maħruġ minn dan il-pajjiż se jinqara mis-sistema Ewropea.

Iċ-ċertifikat jista’ jitniżżel minn fuq is-sit certifikatvaccin.gov.mt.

TVM infurmat li xi persuni llum qed jesperjenzaw problemi biex jidħlu fis-sit elettroniku, x’aktarx minħabba l-influss qawwi ta’ persuni li qed iniżżlu ċ-ċertifikat. Jekk ma jirnexxilekx taċċessa s-sit, erġa’ pprova iktar tard.