Kurżitajiet
Jekk int delettant tal-fotografija u jinteressak il-wirt storiku …

Wiki Loves Monuments hi kompetizzjoni fotografika bis-suġġett: il-wirt storiku. Kif spjegat il-kuratur diġitali ta’ WikiMalta.org, Angie Balzan, din is-sena wkoll Maltin huma mħeġġa jikkompetu billi mill-għajn tal-lenti tal-kameras tagħhom juru s-sbuħija ta’ monumenti u siti storiċi madwar il-pajjiż.

“Kompetizzjoni li jieħdu sehem madwar 40 pajjiż madwar id-dinja kollha. Dawn jinkoraġixxu nies jieħdu ritratti ta’ siti u monumenti storiċi f’pajjiżhom u dawn imbagħad jiġu uploaded fuq Wikipedia. Il-kompetizzjoni ta’ Malta tagħlaq fit-30 ta’ Settembru. Inħeġġu lin-nies imorru fuq www.wikimalta.org u hemmhekk se jsibu l-informazzjoni kollha kif jistgħu jikkompetu.”

Angie Balzan enfasizzat li għal din il-kompetizzjoni m’hemmx bżonn li wieħed ikun fotografu professjonali. L-importanti hu li wieħed jara l-lista tas-siti eleġibbli li jidħlu fil-kompetizzjoni, jieħdu r-ritratti kif l-aħjar li jaraw huma u jtellgħuhom.

“Ħafna drabi jkun hemm ritratt partikolari li forsi għaddiet ix-xemx wara xi monument u kumbinazzjoni kont hemm int u ħadt ritratt tiegħu, dak huwa perfett. Fit-30 ta’ settembru dil-kompetizzjoni tagħlaq. Wara, il-ġurija jagħżlu l-aqwa 10 u dawn imorru jikkompetu fuq Wiki Loves Monuments fuq livell internazzjonali. Ikun ta’ unur kbir jekk jirnexxielna jkollna ritratt minn Malta jikkompeti hemmhekk ukoll.”

Angie Balzan kompliet tgħid li minbarra li hemm premijiet marbuta mal-kompetizzjoni, ikun ta’ unur personali li wieħed ikun jaf li ritratt tiegħu tela’ fuq Wikipedia fejn jista’ jiġi aċċessat mid-dinja kollha.