Ambjent
Jekk jiftaħ l-istaġun tal-insib il-Gvern jirriskja li l-UE tiftaħ kawża kontrih – BirdLife

BirdLife Malta qalet li jekk il-Gvern japprova l-istaġun tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz, il-Gvern ikun qed jgħaddi lin-nassaba biż-żmien u jirriskja li l-Unjoni Ewropea tiftaħ kawża oħra kontrih.

Fi stqarrija, il-BirdLife Malta rreaġixxiet għar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis biex jinfetaħ staġun tal-insib għall-Pluvieri u l-Imlievez. Hija qalet li bħala rappreżentata fuq il-Kumitat Ornis kienet l-unika organizzazzjoni li vvotat kontra d-deroga li tippermetti l-insib.

Hija qalet li tul il-laqgħa tal-Kumitat, fakkret lill-membri l-oħra tal-Ornis li s-sentenza tal-Qorti Ewropea fuq l-insib għall-għasafar tal-għana għandha implikazzjonijiet diretti fuq l-insib għal kull speċi oħra, speċjalment meta l-istess deroga tal-Pluviera u l-Malvizz diġà hija soġġetta għal proċeduri ta’ ksur.

BirdLife Malta spjegat li skont il-Wild Birds Regulation Unit il-ftuħ ta’ dan l-istaġun tal-insib iġib diversi riskji, fl-isfond tal-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Hija qalet li fost dawn ir-riskji li ġew identifikati hemm il-konklużjoni tal-Qorti Ewropea li l-użu tax-xbieki mhux metodu selettiv ta’ qbid għax jistgħu jinqabdu għasafar oħra u jistgħu jaqbdu aktar mill-kwota.

Hija temmet tgħid li d-deċiżjoni finali tinsab f’idejn il-Ministru għall-Ambjent u l-Prim Ministru u stqarret li se tkompli ssemma’ leħinha u tressaq il-preokupazzjonijiet tagħha sew quddiem il-Gvern kif ukoll quddiem il-Kummissjoni Ewropea.

 

Ara wkoll:

Il-Kumitat Ornis approva l-proposta biex jirrakkomanda l-ftuħ għall-insib għall-pluvieri u l-imlieveż