Lokali
Jekk l-isptarijiet jerġgħu jsiru tal-poplu, il-Gvern jista’ joħroġ sejħa ġdida – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jekk bil-kawża li fetaħ dwar il-kuntratt tal-Vitals l-isptarijiet jerġgħu jsiru tal-poplu, il-Gvern jista’ joħroġ sejħa ġdida jekk irid li jitmexxew mill-privat. Fil-programm DISSETT, Dr Delia tkellem fost oħrajn fuq ir-rapport tal-Awditur dwar Mater Dei u anke dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq il-proġett kontroversjali tad-DB flok l-ITS f’Pembroke.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kull progett ta’ żvilupp irid jiġi approvat skont ir-regolamenti tal-iżvilupp. Huwa qal dan meta f’Dissett ġie mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista hux favur il-proġett tad-DB flok l-ITS f’Pembroke.

”Kull proġett mhux dan biss, irridu naraw dak il-proġett fid-detall jaqax fir-remit, fir-regolamenti li hemm illum, jogħġbuna jew ma jogħġbuniex.” qal il-Kap tal-PN Adrian Delia. Mistoqsi jekk dan il-proġett mhux li qalgħu minn taħt, dan il-proġett ilu, Adrian Delia rrisponda ”qiegħed inwieġbek ċar daqs il-kristall. Jekk il-proġett jaqa’ fir-regolament iwa, jekk le, le.”

Dwar il-kawża li Dr Delia għamel fuq il-kuntratt tal-Vitals, il-Kap Nazzjonalista qal li fis-seduta tal-Qorti tat-Tnejn, reġa’ ngħata raġun għax il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Gvern biex il-każ jinstema’ bil-magħluq. Mistoqsi fuq il-pjani tiegħu għall-isptarijiet jekk il-kuntratt tat-tliet sptarijiet jiġi annullat, huwa ma eskludiex li terġa’ tinħareġ sejħa ġdida biex jitmexxa mill-privat.

”Inġiebu l-art lura u noħorġu jekk hemm bżonn tender, jekk il-Gvern ikun irid il-privat, biex ikollna l-aqwa servizz tas-saħħa għal pajjiżna.” qal Dr Delia.

Dwar jekk hux ser jieħu passi interni fuq ir-rapport tal-awditur li sab nuqqas ta’ dokumentazzjoni fil-proġett ta’ Mater Dei, il-Kap Nazzjonalista implika li d-dokumentazzjoni setgħet intilfet minn dal-Gvern.

”Ilna 5 snin, jaf dan il-Gvern ma kellux id-dokumenti, ma qalx l-Awditur meta intilfu, minn neħħihom, fejn huma il-karti” qal Dr Delia.

Mistoqsi dwar jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista għandux bżonn uċuħ ġodda fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet li ser isiru fi żmien sena oħra, Dr Delia wieġeb ”nahseb il-PN għandu bżonn demm ġdid across the board, naħseb il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn firxa wiesa ta’ nies.”

Dwar jekk jerfax ir-responsabbiltà jekk fl-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla, il-Partit Nazzjonalista ma jiksibx riżultati aħjar mill-elezzjoni tas-sena l-oħra, Dr Delia qal li ser jagħmel minn kollox biex ikollu riżultati aħjar iżda insista li l-proġett tiegħu huwa għall-elezzjoni ġenerali tal-2022.