“Jekk nikkommetti suwiċidju jkun għaliex lil ommkom inħobbha ħafna”

Il-Libjan Nizar El Gadi ta’ 36 sena, akkużat bid-delitt tal-eks mara tiegħu li seħħ f’April tal-2012, kiteb lit-tfal ftit wara li kien arrestat u qalilhom li huwa tant kien iħobb lil ommhom li kien qed jaħseb biex jagħmel suwiċidju.

L-Avukat Margaret Mifsud kellha 31 sena meta nqatlet u nstabet bla ħajja fil-karozza tagħha għall-ħabta tas-2.00 p.m. f’pajsaġġ qrib Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq. Dr Mifsud li kellha żewgt ibniet taħt l-10 snin, kienet instabet mejta wara li kienet ilha rrappurtata nieqsa diversi jiem.

Fil-ġuri li qed jinstema quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, l-Ispettur Keith Arnaud qara l-ittra li fiha El Gadi qal lil uliedu li min qed jgħidilhom li kien hu li qatel lil ommhom huwa giddieb u qed jagħmel biex jarahom mifrudin. Huwa ħeġġihom biex ma jemmnux dawn l-akkużi. “Jekk nikkommetti suwiċidu jkun għaliex lil ommkom inħobbha ħafna,” kiteb El Gadi.

 

Tliet ġimgħat qabel inqatlet, l-Avukat Mifsud kienet għamlet rapport għand il-pulizija li fih qalet li l-ex-raġel tagħha pprova jgħallaqha u lmentat li kien qiegħed jagħtiha fastidju. L-Ispettur Arnaud xehed dwar dokument li kien instab fil-kamra tas-sodda tal-Avukat Mifsud dwar meta pprova jgħallaqha b’biċċa wire f’Marzu 2014. Fih kien hemm siltiet li kitbet Dr Mifsud li jikkonfermaw li l-akkużat kien qallha li hu jista’ jwettaq il-qtil perfett mingħajr ma jħalli traċċi.

Il-ġurati semgħu ukoll li mit-tracking device tal-mobile tal-akkużat, ħareġ li huwa ma qalx il-verità dwar fejn kien dak inhar tad-delitt. Għalkemm kien qal lill-pulizija li kien Buġibba, fil-verità kien ix-Xemxija fejn Dr Mifsud kienet qed tiekol ma’ ħbieb tagħha f’restorant. Huwa kien qal lill-pulizija li ried jagħti l-fjuwil lill-karozza f’Buġibba iżda karozza oħra saqet wisq qrib tiegħu u hu spiċċa x-Xemxija għax ma setax idur. Kien qal lill-Pulizija wkoll li kien iltaqa’ ma’ Russa qrib Pender Gardens f’Paceville u mbagħad saq lejn Buġibba.

L-Ispettur Arnaud qal li El-Gadi kien qal lill-pulizija li waqt li kien Buġibba, huwa qal lir-Russa li ried jieħu s-CV lil restorant. Żied li kien talab lill-akkużat jgħidlu liema kienet ir-rotta li ħa sa Buġibba biex ikun jista’ jivverifika ma’ xi filmati tas-CCTV u ħarġu disprepanzi kbar waqt dan l-eżerċizzju.