Festi
Jekk qatt ma żort Sydney, tista’ tal-anqas tara l-Harbour Bridge f’Kerċem

Min qatt ma żar l-Awstralja u mexa fuq il-pont ikoniku f’Sydney, magħruf bħala l-Harbour Bridge, is-Sibt li ġej se jkun jista’ jara replika tiegħu f’Kerċem, bħala parti minn spettaklu tal-logħob tan-nar lejlet il-Festa tal-Madonna tas-Sokkors.

Roti li m’għadhomx jintużaw u kienu għar-rimi ngħataw il-ħajja f’biċċa xogħol artistika, replika tas-Sydney Harbour Bridge, li mal-erbatax-il voluntier u membri tal-kumitat tan-nar ta’ Kerċem ilhom jaħdmu fuqha għal iktar minn sitt ġimgħat.

“Kemm jista’ jkun nippruvaw nużaw affarijiet riċiklati għax l-iskop tagħna li nibżgħu għall-ambjen,” qal Ġanni Sultana, membru fil-kumitat tan-nar Kerċe.

U dan jidher li qed jagħmluh bil-fatti, għax l-istruttura kbira, li se tkun l-attrazzjoni ewlenija fil-festival pirotekniku tas-Sibt li ġej, fiha aktar materjal li reġa’ ntuża.

“Riċiklat, kollu riċiklat, ikun għar-rimi u aħna niġbruh u nagħmlu struttura bħal ma qed tara,” fisser Johann Camilleri, membru ieħor fil-kumitat tan-nar.

Fl-aħħar snin ir-raħal ta’ ftit inqas minn elfejn resident sar sinonimu ma’ spettakli ta’ logħob tan-nar b’differenza, ispirati minn monumenti distintivi f’pajjiżi oħrajn. Wara t-Torri Eiffel, il-Big Ben u l-ferrovija, din is-sena kien imiss il-pont tal-ħadid f’Sydney li nfetaħ fl-1932.

“Ħa jkun qiegħed nofsu fuq ġenb u nofs l-ieħor fuq ġenb, se jimxi fuq roti, dak il-ħin se jimxi u jingħaqad u jifforma l-bridge, li fih madwar 2,000 ġog jitħarrku, u dak il-ħin se jiċċaqlaq kollox u jiġi ffurmat dak il-ħin,” qal Jonathan Mercieca, Segretarju tal-kumitat tan-nar.

Fuq kull pilastru tal-pont se jkun hemm il-logħob tan-nar li se jinħaraq s-Sibt stess, lejlet il-festa tal-Madonna tas-Sokkors, filwaqt li eżatt wara jittella’ spettaklu tal-logħob tan-nar tal-art. Il-Ġimgħa filgħaxija, miż-żona ta’ Għajn Tuta, se jittella’ wkoll spettaklu ieħor ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Fit-tielet logħba tagħhom fil-Kampjonat tal-Amateurs, it-tim ta’ Syria Gżira FC kiseb l-ewwel rebħa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Fleur De Lys FC. Il-player Lucky Chizobor skurja żewġ gowls filwaqt li Julius…

Saħħa

Ilbieraħ filgħaxija għadd ta’ nies nġabru quddiem iċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara għal mixja simbolika bħala parti mix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October. Din is-sena n-nisa u l-irġiel…

Brexit

Wara dibattitu f’sessjoni straordinarja fil-House of Commons, il-membri parlamentari ivvutaw favur mozzjoni li tobbliga lill-Prim Ministru biex jitlob estensjoni mill-Unjoni Ewropea għal Brexit. Dan sakemm il-ftehim għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea jiġi…

Lokali

L-invażjoni Torka fit-Tramuntana tas-Sirja ġiet ikkundannata mill-komunità Kurda f’Malta li bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti organizzaw manifestazzjoni paċifika quddiem l-Ambaxxata Torka fil-Floriana. Huma kkundannaw dak li sejħu bħala assalt brutali u mingħajr…

Aktar