COVID-19
Jekk qed tistenna biex tagħmel swab test jew ir-riżultat tiegħu ma tistax tagħti demm

Ta’ kuljum qed isiru ammonti kbar ta’ testijiet għall-coronavirus. F’dan ix-xenarju, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed mill-ġdid ifakkar li dawk il-persuni li jkunu qed jistennew biex jagħmlu t-test, jew ikun għamlu t-test għall-COVID-19 u qed jistennew ir-riżultat tiegħu ma jkunux jistgħu jagħtu demm.

Ladarba r-riżultat joħroġ negattiv ma jkunx hemm ebda problema biex wieħed imbagħad jagħti d-demm.

Intant, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm appella biex dawk li huma f’saħħithom u eliġibbli biex jagħtu d-demm huma mistiedna biex jersqu jagħmlu d-donazzjoni tad-demm:

• fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar is-Sibt 15 t’Awwissu ser ikun maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 16 t’Awwissu ser ikun maġenb il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

• fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 16 t’Awwissu ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti.

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu wkoll il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kull min jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.

Bħalissa hemm bżonn urġenti ta’ 84 borża demm O positive, u  20 borża demm A negative dan hekk kif fl-Isptar Mater Dei hemm pazjenti li qed jistennew biex jirċievu d-demm.

Id-Direttur Ċentru Nazzjonali għat-trasfużjoni tad-demm, Dr Alex Aquilina qal “id-donazzjonijiet mhumiex ħażin, 30, 40 kuljum, l-isptarijiet bħalissa u hemm ħafna pazjenti li qed jieħdu d-demm, dawk tat-talessemija kull xahar, anki pazjenti tal-kanċer, nofs id-demm li niġbru imur għall-pazjenti tal-kanċer.”

Dr Aquilina qal li l-isptarijiet jirrikjedu madwar ħamsin borża kuljum u minħabba li d-donazzjonijiet naqsu ċ-ċentru nazzjonali għat-trasfużjoni tad-demm jistrieħ fuq id-donaturi leali li jiġu kważi kull 3 xhur.

Fuq il-lista tiegħu, il-bank għandu mas-sittin elf donatur, bl-iktar attivi jammontaw għal madwar għaxart elef li jagħtu d-demm mill-inqas darba fis-sena. TVM tkellem ma’ Andrew Pace, donatur li ilu jagħti d-demm b’mod regolari għal dawn l-aħħar sitt snin u jagħti dawk li jissejjħu l-pjastrini, li jintużaw ħafna għall-pazjenti morda bil-kanċer.

Is-Sur Pace qal li dan huwa “sodisfazzjon personali li nagħti d-demm u anki għalija personali huwa tajjeb.”

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar