COVID-19
Jekk qiegħed imsiefer u mintix imlaqqam trid titlob permess biex tirritorna Malta

Iċ-ċertifikati validi li se jiġu aċċettati biss biex wieħed jidħol f’Malta huma ċ-ċertifikat diġitali tal-UE, iċ-ċertifikat tar-Renju Unit u ċ-ċertifikat ta’ Malta, u mhux se jkun aċċettat iktar il-PCR test. Huma biss tfal taħt it-12-il sena li se jkunu jistgħu jidħlu f’Malta bil-PCR test.

Waqt li ħabbar dan illum waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li tieħu din id-deċiżjoni, li tidħol fis-seħħ mill-Erbgħa li ġej.

Malta qed tikkunsidra l-pajjiżi kollha daqslikieku qegħdin fuq il-lista l-ħamra, u għalhekk persuna tista’ tiġi minn barra biss jekk għandha ċ-ċertifikat tat-tilqima.

Maltin li qegħdin barra u jridu jiġu lura Malta bla ċertifikat, iridu jitolbu permess qabel ma jiġu Malta bil-PCR test, imbagħad iridu joqgħodu ġimagħtejn kwarantina.

Maltin li jinsabu fl-iktar pajjiżi meqjusa mhux siguri mill-Covid-19 lanqas biċ-ċertifikat tat-tilqima ma jistgħu jaqbdu u jiġu f’Malta, u jridu l-ewwel jitolbu awtorizzazzjoni lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Kull min irid jitlob awtorizzazzjoni biex jiġi Malta għandu jibgħat email fuq [email protected]

Ara wkoll:

FILMAT: Mill-Erbgħa: jagħlqu l-iskejjel tal-Ingliż u kull min jasal Malta jrid ikollu bilfors iċ-ċertifikat tal-vaċċin