Lokali
ARA: “Jekk se jaħdem favur l-abort, se jsib lili kontrih” – Il-PM f’Dissett

Il-Prim Minsitru Robert Abela qal li jrid governanza tajba li permezz tagħha jitkattar il-proċess ekonomiku u l-ġid. Żied li mhux se jiddejjaq jieħu id-deċiżjonijiet biex iġib lura l-istabiltà u n-normalita fil-pajjiż.

Intervistat mill-Editur ta’ TVM, Reno Bugeja, fil-programm DISSETT li xxandar dirett mill-Berġa ta’ Kastilja, Dr Abela qal li qed jitkellem bl-istess lingwagg tal-għaqda Repubblika. Dr Abela qal li “nemmen li saltna tad-dritt tajba, governanza tajba isaħħah il-progress ekonomiku, issaħħaħ it-tkattir tal-ġid, naħseb dak il-messagg hu wieħed komuni. In-narrattativa ta’ x’qed jgħid il-Gvern u x’qed jgħidu gruppi bħal Repubblika hu l-istess lingwaġġ.”

Il-Prim Ministru Abela qal li li jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet li jsaħħu is-saltna tad-dritt u governanza tajba permezz ta’ bidliet rilevanti fil-pajjiż li jwasslu messaġġ li Malta hi serja. Żied li ċerti riformi fosthom dwar il-ħatriet tal-ġudikanti, ma jistgħux jistennew il-Konvenzjoni Kostituzzjonali tiġi konkluża biex jitwettqu. Qal li hu diżappuntat li Malta ma implimentatx aktar bidliet dwar il-ħatriet fil-ġudikatura qabel sar ir-rapport tal-kummissjoni Venezja.

Il-Prim Ministru kien skjett dwar l-abort meta mistoqsi dwar l-interpretazzjoni li ngħatat minn uħud dwar l-impenn ta’ Joseph Muscat li jaħdem favur aktar libertajiet ċivili. Dr Abela qal li “jekk se jaħdem favur l-introduzzjoni tal-abort se jsib lili kontrih.”

Mistoqsi ukoll dwar il-ġejjieni tar-riferenza għar-religjon kattollika fil-kostituzzjoni, Dr Abela wieġeb li “ma narax li għandu jkun hemm bidliet. L-artiklu 2 tal-kostitzzjonijiet tagħna hu ċar. Hemm bidliet li jridu isiru imma mhux fil-kwistjoni tar-reliġjon.”

Dwar il-konsultenti u l-persuni ta’ fiduċja, Dr Abela qal li hu favur miżuri ta’ trasparenza u li huma jkunu magħrufa u qal li m’għandux ikun hemm persuni ta’ fiduċja iktar milli hemm bżonn. Dwar il-kumpanija Nexia BT li kellhom uffiċċju f’Kastilja stqarr “ma kontx komdu bis-sitwazzjoni. Ma kontx komdu lanqas bil-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Mistoqsi dwar l-agenda li għamillu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar governanza tajba, biex ineħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Generali u lil Kap taċ-Ċivil, Dr Abela qal li mhux ser jiehu lezzjonijiet mingħandu. Aktar qabel qal li ser jittieħdu aktar deċiżjonijiet iżda jitħabbru fil-mument opportun.

Il-Prim Ministru qal li mill-elezzjoni li jmiss, irid li jiġi introdott mekkaniżmu li permezz tiegħu, aktar nisa jidħlu fil-parlament. Mistoqsi jekk dan hux ser jiftah il-bieb ghal talbiet ohra minn minoranzi fosthom il-musulmani qal li ser jimxi ma dak imwieghed fil-manifest elettorali li jitkellem biss dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Dwar il-kwistjoni tat-tfal Serbi, qal li din ma taqax taħt is-setgħa tal-Prim Ministru u qal li f’din il-kwistjoni se jħares li jkun hemm bilanċ bejn ir-regolamenti u l-aspett uman u l-interessi tat-tfal.

Dwar l-immigrazzjoni, Dr Abela qal li se jippressa lill-pajjiżi Ewropej biex jagħmlu l-parti tagħhom u l-piż li terfa Malta jkun proporzjonat.

Dr Abela qal li ma jistax jikkommetti ruħu għal-living wage għaliex jaf li din ma tkunx sostenibbli, b’differenza mill-prinċipju tal-istess ħlas għall-istess xogħol li fi kliemu hi xi ħaġa konkreta.

Il-Prim Ministru qal li se jżomm lil Louis Grech bħala konsulent tiegħu. Semma wkoll li jridi li tkompli d-diskussjoni dwar id-dikriminalizzazjoni tal-kannabis u hu favur li tingħata l-opportunita’ lil aktar persuni biex ikollhom tarbija bl-IVF.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jikkontesta r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sab Prima Facie każ ta’ ksur ta’ privileġġ wara li Dr Azzopardi akkuża lid-Deputat Chris Cardona li huwa korrott…

Televiżjoni u Radju

Permezz ta’ ċifri preċiżi mis-sistema teknoloġika tal-Melita u kkonfermati mill-istatistiku Dr Vincent Marmara, dan ix-xahar, Television Malta laħaq udjenzi ferm akbar mis-soltu fost oħrajn bix-xandiriet diretti tal-avveniment politiċi mtella’ miċ-ċentru…

Saħħa

X’għandek tagħmel jekk sejjer jew tinsab iċ-Ċina bħalissa fejn faqqa’ l-mikrobu perikoluż tal-coronavirus? Id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qal li wieħed għandu jevita r-rasses u postijiet fejn hemm xi annimali mejta bħal…

Kronaka

Ilbieraħ filgħaxija, post li ilu abbandunat żmien twil f’Tas-Sliema ħa n-nar. L-inċident seħħ fi Triq Camenzuli kantuniera ma’ Triq Sant’Enriku f’Tas-Sliema. Membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni…

Aktar