Politika
BIL-FILMAT: “Jekk se ninqasmu bejnietna s-saħħa tagħna se tispiċċa” – il-President Vella

Il-President ta’ Malta George Vella appella għall-għaqda fil-pajjiż u ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex iġibu rispett lejn xulxin minkejja d-differenzi li hemm u li se jibqa’ jkun hemm bejnietna.

Huwa għamel dan l-appell fin-Naxxar waqt l-attività li ssir kull sena, nhar il-Ħadd ta’ qabel il-festa tal-Vitorja, u li fiha l-kunsill lokali, is-soċjetajiet u l-għaqdiet Naxxarin kollha jingħaqdu biex jippreżentaw l-għotjiet tagħhom għall-Community Chest Fund lill-istess President ta’ Malta.

L-attività ssir fis-sede ta’ waħda mill-għaqdiet tal-lokal u din is-sena kien imiss liċ-ċentru lokali tal-Partit Laburista.

“Li tiġi hawn, ġo każin ta’ partit politiku, u tara l-firxa tal-opinjonijiet kollha, anki ta’ min politikament ma jaqbilx ma’ dak il-każin, huwa ta’ sodisfazzjon kbir,” qal il-President.

Huwa qal li fil-pajjiż jeħtieġ nirrispettaw lil xulxin anke jekk ma naqblux flimkien u faħħar lin-Naxxarin talli wasslu dan il-messaġġ.

Il-President Vella kkritika t-tendenza tal-lum li ngħajru lil xulxin onlajn u li nagħmlu allegazzjonijiet bit-tama li xi ħaġa teħel.

“Dik mhux politika. Aħna ċivilizzati biżżejjed, kapaċi biżżejjed, għandna materjal biżżejjed biex naġixxu ta’ nies ċivilizzati. M’għandniex nitilqu mill-mentalità li kulħadd korrott, li m’għandniex min hu kapaċi, li kulħadd mixtri, li kulħadd jiġbdulu l-ispaga”

Huwa rrimarka li hemm din l-arja li hija ħażina, li huwa sejjaħ “arja marida”, li ma nistgħux nibqgħu naħdmu fiha u wissa li din is-sitwazzjoni qed tgħajji lil min qed jipprova jaħdem bl-onestà u bis-sinċerità biex jipprova jġib l-għaqda u biex nimxu ’l quddiem filwaqt li tgerrex liż-żgħażagħ milli jinteressaw ruħhom f’li jkunu attivi fil-politika.

“Fiċ-ċokon tagħna, jekk se ninqasmu bejnietna, is-saħħa tagħna tispiċċa. Apparti l-fatt li aktar ma aħna ma nistmawx lilna nfusna, inqas u inqas se jirrispettana min qiegħed hemm barra jħares lejna,” qal il-President.

Fin-Naxxar il-President, li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella u miċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-Community Chest Fund Marlene Mizzi, intlaqa’ mis-Sindku tal-lokal Anna Marie Muscat Fenech Adami u mill-President taċ-Ċentru Laburista, Duminku Chircop.