Infurzar
Jekk tipparkja quddiem garaxx tista’ teħel ċitazzjoni?

Il-liġijiet ta’ Malta huma ċari dwar x’wieħed jista’ u ma jistax jagħmel, speċjalment fit-toroq ta’ pajjiżna. Iżda fi kliem is-Supretendent Sandro Camilleri, għadd ta’ modi ġodda tħallew jidħlu fis-seħħ matul is-snin, u li qed isiru b’mod regolari, iżda li fi kliemu, xorta waħda huma illegali.

Semma’ fost oħrajn tipjip, ikel u xorb waqt is-sewqan, kif ukoll kwalunkwe azzjoni oħra li ma tħallikx fil-kontroll assolut tal-vettura tiegħek. Dwar sidien ta’ garaxxijiet li jipparkjaw quddiem biebhom, is-Supretendent Camilleri qal li dan ukoll huwa projbit hekk kif skont il-liġi, l-uniku dritt tas-sid huwa li joħroġ u jidħol fil-garaxx b’mod liberu.

Tipparkja quddiem garaxx, tpejjep u tiekol, jew tqaxxar il-leħja waqt li ssuq. Dawn huma affarijiet li l-Pulizija jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fit-toroq Maltin, u li minkejja li jsiru regolarment, huma kontra l-liġi.

Is-Supretendent Sandro Camilleri qal ma’ Television Malta li fl-aħħar snin qed jiġu nnutati modi ġodda fit-toroq ta’ Malta li fi kliemu huma illegali. Semma fost oħrajn l-ipparkjar quddiem garaxx, fejn għal ħafna persuni l-prassi hi li tipprarkja u tħalli n-numru mal-vettura sabiex is-sid ikun jista’ jagħmel kuntatt. Saħaq li l-uniku mod kif wieħed jista’ jipparkja quddiem garaxx hi li jibqa’ fil-vettura tiegħu.

“Kull min għandu garaxx, li fuqu għandu miktub garaxx li qed jintuża, u f’dak il garaxx qed tiddaħħal vettura bil-mutur b’mod regolari, dan m’għandu ħadd jipparkjalu quddiem tali garaxx.”

Żied jispjega li jekk il-Pulizja tkun fuq il-post u jkollha ċċempel persuna sabiex tneħħi l-vettura tagħha, din għandha wkoll tiġi mħarrka. Jekk il-persuna ma tinstabx, il-vettura tiġi ttowjata.

“Ovvjament il-Pulizija qbadna l-prassi li ma jżommna xejn milli nċemplu lil xi ħadd u ngħidulu ‘ejja suq il-vettura minn quddiem il-garaxx fejn ħallejtha,’ però irid jieħu ċ-ċitazzjoni minn naħa tagħna ta’ ostaklu, għax l-ostaklu inti għamiltu,” jfisser is-Supretendent. “Mhux għax ċempilnielek u ġejt tneħħiha jgħidlek ‘minn fuq li neħħejtha se ttini ċitazzjoni?’ Inti ħloqt ostaklu, apparti li qagħdna nċemplulek u li inti żammejt persuna fid-dar milli toħroġ minn ġo darha.”

Is-Supretendent Camilleri saħaq iżda li anke s-sid tal-garaxx irid jimxi mal-liġi, fejn qal li ġew innutati prassi fejn garaxx ma jkunx qed jintuża sabiex tiddaħħal vettura. Qal li skont il-liġi, lanqas is-sid tal-garaxx stess ma jista’ jipparkja quddiem biebu, minħabba li l-uniku dritt li għandu huwa li jdaħħal u joħroġ il-karozza b’mod liberu.

“Il-garaxx ma jistax ikun qed jintuża bħala maħżen jew bħala kċina kif hawn min jużah… trid tiddaħħal fih vettura bil-mutur b’mod regolari.”

Lil hinn mill-ipparkjar, is-Supretendent Sandro Camilleri qal li meta wieħed isuq, għandu jkollu l-kontroll assolut tal-vettura, anke jekk huwa wieqaf fit-traffiku. Dan ifisser li l-ikel, xorb, u tipjip, fi kwalunkwe ħin li l-vettura hija fit-triq, huwa projbit.

“Ma tistax tiekol, u ssuq vettura. Naraw ħafna nies jixtru l-pastizzi jew ikel ieħor, u jsuq u jiekol. Dak huwa illegali. Tixrob u ssuq, dan mhux tefa’ ma’ ġenb, qabdu l-għatx, xorob u saq. Le, bil flixkun tal-ilma u tarah jixrob… Tpejjep u ssuq, u sal-lum ħafna nies ma aċċettawhiex għax tarahom ipejpu u jsuqu… dawn kollha illegali, għax inti jrid ikollok kontroll assolut tal-vettura.”

Spjega li ta’ kull filgħodu, l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku qed jinnotaw prassi ġodda, li minkejja jinstemgħu strambi, skont is-Supretendent Camilleri huma realtà. Fost dawn semma li hemm persuni jagħmlu l-make up, xagħrhom u anke jqaxxru l-leħja.

Temm jgħid li minkejja li wieħed jemmen li ma jkun qed jagħmel xejn ħażin minħabba li xorta waħda jħossu komdu jsuq il-vettura, dawn xorta huma illegali, u għaldaqstant, għandu jara li jimxi mal-kodiċi tas-sewqan sabiex ma joħloq ebda periklu għal persuni oħra fit-toroq, u fl-aħħar mill-aħħar, anke għalih innifsu.