Brexit
Jemmen li l-vot fil-Parlament Ingliż ilbieraħ kien rifjut assolut tal-ftehim Brexit

Id-direttur tal-istitut għall-istudji Ewropej fl-Universita ta’ Malta, Mark Harwood, qal li dak li ġara fil-House of Commons kien rifjut assolut tal-ftehim. Dr Harwood qal li fost il-possibiltajiet hemm li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim u jibda jitqies bħala pajjiż terz.

“L-affarijiet li rranġaw s’issa, inkluż li jridu jħallsu ammont ta’ flus lill-UE biex joħorġu, dak kollox jaqa’ u jitilqu mingħajr ftehim ta’ xejn. Jispiċċa li minħabba li l-Ingliżi huma membri tal-World Trade Organisation, jergħu jaqgħu fuq l-arragamenti tal-WTO. Jerġa’ jkun hemm dwana.”

Huwa jemmen li l-Prim Ministru May se titlob estensjoni, billi fadal biss 70 jum għall-ħrug tar-Renju Unit. Dwar l-idea li jsir referendum ieħor, Dr Harwood jemmen li Brexit b’mod jew b’ieħor se jseħħ.

“Jekk Theresa May ma jirnexxiliex tmur Brussell u jkollha ftehim ġdid, speċjalment fuq backstop, naħseb ħa jkollhom iwaqqfu Brexit. Mhux biex ma jsirx, imma biex ikollhom iktar ħin biex jinnegozjaw, u naħseb li iktar hemm ċans li jispiċċa elezzjoni għax il-partiti kollha mhux favur l-idea ta referendum.”

Waqt li l-idea ta’ estensjoni tidher li l-aktar qed tattira interess, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Dr Helena Grech, ma taħsibx li dan għandu isir. “Billi l-UE diġa qed jgħidulha li huwa impossibli li jkun hemm xi ħaġa aħjar milli diġà hemm, ma nafx kemm jagħmel sens li titlob dan it-tul ta’ żmien.”

Dr Grech qalet li n-nuqqas ta’ ftehim ipoġġi ħafna mistoqsijiet dwar x’se jiġri miċ-ċittadini Brittaniċi f’pajjiżi Ewropej u mill-Ewropej fir-Renju Unit. Uriet tħassib li l-kwistjoni ser ikollha effett fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. “Hemm partiti li qed jużaw Brexit biex jagħmlu t-talbiet tagħhom. Jekk ir-Renju Unit ma jkunx ħareġ sas-26 ta’ Mejju jkollhom jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej ukoll.”

Hija fakkret li skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Brexit tista’ tiġi rtirata mir-Renju Unit, iżda dan ipoġġi dell ikrah fuq il-prinċipji tad-demokrazija, għax il-Gvern ikun qed imur kontra r-rieda tal-elettorat.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Huma ħafna l-Maltin li jkollhom seba’ mitt sena sakemm jasal is-sajf biex igawdu l-baħar u jqattgħu ġranet sħaħ jilagħqu x-xemx. Sa seba’ snin ilu, Fiona Sammut kienet waħda minnhom ….

Enerġija

Bil-limitazzjonijiet kbar tal-art għal solar farms, l-MCAST flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tax-Xjenza u t-Teknologija qed ikompli jesperimenta dwar solar farms fil-baħar madwar Malta biex tiġi ġenerata l-enerġija mix-xemx. L-MCASTqal li dal-proġett…

Kronaka

Sid ta’ ħanut fil-Mosta qed jappella għall-informazzjoni wara li raġel illum waranofsinhar seraq mobile u ħarab jiġri. Fil-filmat, li nqabad minn kamera tas-sigurtà, jidher jidħol fil-ħanut dan ir-raġel. Ftit tal-ħin…

Lokali

Wara l-mewt traġika ta’ Jean Paul Bonnett kawża ta’ xokk elettriku waqt li kien qed jaħdem fuq karru għall-karnival, tħassru l-attivitajiet tal-karnival li kellhom isiru fi tmiem il-ġimgħa. Il-Ministeru għall-Ġustizzja,…

Aktar