Kultura
Jerġa’ jikseb il-glorja tiegħu wara proġett estensiv ta’ restawr

Il-bogħod mill-għajn Din l-Art Ħelwa din is-sena kompliet bir-restawr fit-Torri l-Abjad fil-Mellieħa. Il-koordinatur ta’ dan il-proġett Martin Vella ta rendikont tax-xogħlijiet li saru s’issa.

It-Torri l-Abjad fil-Mellieħa li ġie fdat f’idejn Din l-Art Ħelwa daqt jerġa’ jikseb il-glorja tiegħu wara proġett estensiv ta’ restawr li beda kważi sena ilu. Il-kordinatur tal-proġett Martin Vella qal li sar ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni fit-torri li kien ilu abbandunat aktar minn 20 sena.

“Il-kamra ta’ ġol-foss kellha diġà s-saqaf imwaqqa’, ħitan fi stat ħażin ħafna, blajjet tal-bibien u tat-twieqi, li dawn kollha kellhom jiġu mibdulin. Xogħol metikoluż li sar sew f’din il-kamra ġol-foss u sew mat-torri, parti minnu qed isir bħalissa kien li jitneħħa s-siment li kien qed jgħatti partijiet kbar ħafna mill-ġebla Maltija” qal Martin Vella.

Żied jgħid li dan ix-xogħol tlesta wkoll fil-parti t’isfel tat-torri, fejn se jsir ċentru b’informazzjoni dwar il-wirt storiku u dak ambjentali f’dawn l-inħawi.

“Il-parti li tħares lejn it-Tramuntana u l-Grigal, kien miksi b’corrugated iron biex ikun saqaf temporanju. Biż-żmien issaddad, tar bir-riħ u waqa’ kollox. Hemmhekk se jerġa’ jiġi mibni, ħa npoġġu materjali moderni, mhux corrugated, biex jerġa’ jissaqqaf eżatt bħal ma kien fi żmien l-Ingliżi” kompla jgħid Martin Vella.

Is-Sur Vella qal li bħalissa r-restawr qed isir fuq il-faċċata tat-torri. Il-ħsieb ta’ din l-Art Helwa huwa li fit-tieni u fit-tielet sular tat-torri jsiru dormitorji fejn l-istudenti u l-viżitaturi jkunu jistgħu jagħmlu esperjenza dwar il-ħajja fit-torri u n-natura.

Gruppi tal-astronomija diġa’ wrew interess biex jużaw dan it-torri għall-osservazzjonijiet astronomiċi f’ambjent verġni u nieqes mit-tniġġiż tad-dawl. B’hekk it-torri li nbena fl-1658 mill-Gran Mastru Martin de Redin ser jibda jservi għall-osservazzjoni tal-univers minflok tal-kosta.

Kien fl-2016 li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għadda dan it-torri lil Din l-Art Ħelwa li bdiet tirrestawrah bl-għajnuna fost oħrajn tal-HSBC Malta Foundation, Atlas Insurance, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, il-Ministeru tal-Ambjent u l-Malta Community Chest Fund Foundation. Il-proġett kollu għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

 

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar