Lokali
Jerġgħu jilmħu balena kbira oħra f’Ta’ Sanap Għawdex

L-ibħra madwar il-gżira Għawdxija reġgħu kienu ta’ attrazzjoni kbira għal bosta dilettanti tal-baħar hekk fl-aħħar sigħat reġgħet intlemħet minn tal-inqas balena oħra kbira tgħum fl-inħawi f’Ta’ Sanap f’Għawdex.

Fl-aħħar sigħat, Roland Vella, sajjied Għawdxi li waqgħetlu żokortu f’dan ix-xogħol, inzerta mill-art balena kbira oħra lil hinn mill-kosta Għawdxija.

Vella qal li dan il-fenomenu ta’ baleni qrib sew il-kosta mhux tas-soltu.

“Jien għamilt snin twal fuq il-baħar u ċert li ftit hawn min ħareġ daqsi u qatt ma rajt waħda… din is-sena resqu iktar u qrib, li mhux tas-soltu”, qal Vella.

Għawdxi ieħor qal li dawn ma kinux l-uniċi żewġ baleni li ntlemħu f’Għawdex fl-aħħar jiem waqt li oħrajn ma eskludewx li dan qed iseħħ minħabba nuqqas ta’ traffiku marittimu fil-baħar Mediterran kaġun tal-Covid-19.

F’intervista ma’ tvm.com.mt, Dr Vanessa Pirotta, li hija xjentista tal-baleni Maltija fl-Università ta’ Macquarie f’Sydney l-Awstralja, dwar il-balena enormi qalet li fil-Mediterran hawn popolazzjoni tal-balena l-kbira, li tpassi fi gruppi u anki individwalment, kif jidher li kien il-każ tal-aħħar jiem.

“Fin whales can travel in a group however, they are often seen alone. When they are coming together to breed, they may be seen together, but not in this case it is most likely that the fin whale was passing through.”

Il-balena l-kbira hija meqjusa bħala speċi fil-periklu, kemm minħabba s-sajd eċċesiv kif ukoll it-tibdil fil-klima. Huwa stmat li madwar id-dinja hawn bejn 50 u 90 elf balena kbira.