Kultura
Jesprimi l-imħabba għal Malta b’daqq ta’ strument rari għall-baned Maltin  

Fl-eqqel tal-istaġun tal-festi, Chris Grima, Awstraljan ta’ dixxendenza Maltija, jevita l-kesħa ta’ pajjiżu u jiġi Malta għall-btajjel. Miegħu jġorr is-sousaphone, strument mużikali mdaqqas li mhux normalment ikun fil-baned Maltin.

Ilmaħna lil Chris idoqq fil-festa ta’ San Ġiljan. Bl-istrument imdawwar miegħu, bejn marċ u ieħor, qalilna li jaħtaf fil-kelma lil kull min joffrilu biex idoqq mal-baned. “Basta mingħajr ħlas. Nagħmilha minn qalbi,” qal bi tbissima sinċiera l-bandist. Spjegalna li dan l-istrument, li jindaqq l-aktar f’baned Amerikani, jiżżarma f’partijiet żgħar biex ikun jista’ jġorru minn post għall-ieħor.

Chris qal li meta kien tifel huwa ġie ma’ missieru għal numru ta’ snin u tgħallem il-mużika mal-Għaqda Mużikali Imperial. Wara li reġgħu telqu lejn l-Awstralja, issieħeb mal-Our Lady Queen of Peace Maltese Band fejn illum għadu jdoqq ma’ Maltin oħra li jgħixu f’Sydney.

L-aħħar impenn mużikali għal Chris ser ikun fil-festa tal-Vittorja, il-Mellieħa, mal-għaqda mużikali li għallmitu jagħraf nota minn oħra u sawwritlu fih l-imħabba għall-mużika u l-marċi brijjuż.