Lokali
Jessica Magro rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu

Għall-festival L-Għanja tal-Poplu ta’ din is-sena ikkonkorrew 131 kanzunetta. Għall-finali għaddew l-aħjar 18-il kanzunetta kif ġudikati minn tliet ġurijiet popolari, flimkien ma’ ġurija esperta. Temi differenti kienu l-qofol tal-kanzunetti finalisti f’dan il-festival.  L-Għanja tal-Poplu huwa l-espressjoni tal-artisti li għandhom għal qalbhom il-kanzunetta Maltija.

Il-kanzunetta ‘Meta r-ramel jitħallat mas-silġ’ rebħet il-41 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, il-festival tal-kanzunetta Maltija.  Kantata minn Jessica Magro, il-kanzunetta rebbieħa kellha kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Pamela Bezzina. Il-kanzunetta tittratta l-kunflitti ta’ mibegħda u ta’ qerda madwar id-dinja.

Fit-tieni post, il-kanzunetta ’13 Strada Stretta’ interpretata minn Dario u Grecia Bezzina, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika tal-istess Dario Bezzina. Il-kanzunetta hija taħdita ma’ barmaid li lesta tagħmel kollox biex taqla’ lira zejda.

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta ‘Rutina Tgħallina’ tal-band Xarulu’ li tfakkarna fil-ġlieda mal-pass frenetiku tal-ħajja li spiss twassalna ninqatgħu minn nies ta’ madwarna. Il-kanzunetta tad-duo Xarulu’ ħadet ukoll il-premju ġdid tal-aħjar recording.

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ minn Monica Said li interpretat il-kanzunetta ‘Ritratt’ bi kliem u mużika ta’ Philip Vella, kanzunetta li tesprimi futur mmli tama u bla biża’ ta’ xejn.

Il-premju għall-kanzunetta oriġinali mar għand Odelsie Camilleri bil-kanzunetta ‘Narak Kuntent’ u l-premu tal-aħjar kantawtur intrebaħ minn Ryan Grech bil-kanzunetta ‘Min Jaf’.

Il-ġieħ L-Għanja li Tibqa’ ngħata lil Mary Rose Mallia f’għeluq il-50 sena ta’ kontribut lill-kanzunetta Maltija b’repertorju li jinkludi ‘Il-Festa’, ‘Din l-Omm’ mir-rock opera Ġensna u ‘Is-Saħħara ta’ Wied Għafrid’. Il-festival ġie organizzat mill-kumitat l-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal, bil-kollaborazzjoni tal-Akkademja tal-Malti u aktar tard għandu jixxandar fuq TVM.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Ilbieraħ, f’Sibt il-Għid, il-Bormliżi inawguraw l-Irxoxt wara li sarlu r-restawr. Ma’ TVM ir-restawratriċi Valentina Lupo kienet spjegat li l-istatwa kellha erba’ problemi, fosthom diversi qsim fl-injam. Fir-restawr saru wkoll interventi fuq…

Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi. Ir-riħ mix-Xlokk Lvant ser ikun qawwi ħafna fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-għaxra tal-lejla u terġa’ tiġġedded kif meħtieġ.

Saħħa

Mistenni jibda x-xahar id-dieħel ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u tħammil għat-tieni dar residenzjali għal persuni bil-marda newroloġika tal-ALS. Il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, mistenni jiswa sitt miljun Ewro. Ma’ TVM, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta,…

Aktar