Immigrazzjoni
Jeżisti aġir diskriminatorju kontra xi refuġjati li jgħixu u jaħdmu Malta – il-UNHCR

Studju tal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, l-UNHCR wera li jeżisti aġir diskriminatorju kontra wħud mir-refuġjati li jgħixu u jaħdmu Malta minkejja li huma ntitolati legalment biex jgħixu hawnhekk.

L-istudju elenka l-isfidi li qed jiffaċċjaw fuq livell familjari, soċjali u fix-xogħol tagħhom… u f’seminar apposta ġew diskussi r-rimedji kontra d-diskriminazzjoni.

Studju tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għar-refuġjati identifika diversi każi kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ refuġjati li jgħixu Malta, b’mod partikolari, ir-refuġjati li għandhom status ta’ protezzjoni umanitarja.

L-istudju sab fost oħrajn sfruttament meta r-refuġjati jitħaddmu illegalment. Xejra li wkoll kienet evidenti hija l-vulnerabbiltà li l-immigranti jiffaċċjaw fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. Intopp ieħor li r-refuġjati sikwit jiltaqgħu miegħu huwa d-dewmien sakemm jinħareġ il-permess ta’ xogħol u r-rikonoxximent tal-kwalifiki jew abbiltajiet tagħhom.

Mireille Sant mill-Uffiċċju tal-UNHCR f’Malta qalet li din hija waħda mill-kwistjonijiet li tostakola lir-refuġjati milli jintegraw fis-soċjetà.

”Jgħidulna li qed jesperjenzaw dan id-dewmien, f’li jirċievi d-dokumentazzjoni imma l-mod kif qed nipprovaw nindirizzaw hi billi kellna l-entità li toħroġ id-dokumentazzjoni u spjegajna li jekk ma jkollokx ir-residence permit ma tistax teċċedi għas-servizzi u għad-drittijiet tiegħek” qalet Mireille Sant.

Diversi immigranti esprimew diffikultajiet biex jitgħallmu l-lingwa u biex jinfilzaw ruħhom kulturalment u soċjalment. Uħud qed jippruvaw itejjbu l-ħiliet tagħhom. Huda Aljamal hija ċittadina Libjana ilha ħames snin f’Malta. Qalet li qed tipprova tegħleb id-diffikultajiet fosthom billi titgħallem il-Malti.

”I dont speak Maltese and I start learning Maltese now but also, their range of priority, so if you came from a third world nation, it is not the first one that you can get the job” qalet Huda.

Hu stmat li kull sena jkun hemm madwar 1700 immigranti li japplikaw għal status ta’ refuġjat u aktar min-nofs jikkwalifikaw għall-istatus li jagħtihom id-dritt ukoll li jaħdmu.