Jeżisti bilanċ bejn dak investit fl-innovazzjoni u l-isforzi biex jiġi indirizzat il-faqar fuq livell globali?

Fid-dinja ta’ llum isir investiment kbir fl-innovazzjoni u r-riċerka. ‘Popolin’ iddiskuta r-riċerka u l-innovazzjoni u dak investit biex jiġi reġistrat progress f’dan il-qasam. Jeżisti bilanċ bejn il-biljuni li jintefqu fuq l-innovazzjoni u dak li hemm bżonn isir biex jiġi kontrollat aħjar il-faqar fuq livell globali? L-Għaqda internazzjonali UNICEF tistma li biljun tifel u tifla madwar id-dinja qegħdin jgħixu fil-faqar.

Tkellimna ma’ Xylon Bristow, fanatiku tat-teknoloġija li spjega li l-investiment fil-qasam teknoloġiku qatt ma jista’ jkun esaġerat biss dejjem għandu jinżamm bilanċ bejn dak investit f’dan il-qasam u oqsma oħra li jirrikjedu l-istess ammont ta’ attenzjoni; “Għalkemm dan l-investiment huwa bżonnjuż għaliex jaf jurina fenomeni li jistgħu jgħinu r-razza umana l-quddiem, ma tista’ qatt tqabblu  ma’ problemi oħra li hawn fid-dinja, bħal ma hu l-faqar”. Huwa żied jgħid li l-bżonn tal-bilanċ huwa fundamentali għaliex l-istess innovazzjoni l-quddiem tista’ tkun parti mis-soluzzjoni għall-faqar.

Mistieden waqt il-programm, Robert Farrugia tenna li huwa essenzjali li ma jkunx hemm żbilanċ bejn l-ambizzjoni għall-iktar innovazzjoni u problemi fundamentali oħra li jaffetwaw miljuni ta’ persuni bħalna. Żied jgħid li dan l-iżbilanċ ħafna mid-drabi jiġi mill-politika tal-pajjiżi konċernati iżda mhux biss. In-nuqqas ta’ edukazzjoni tikkontribwixxi ħafna biex il-faqar f’dawn il-kommunitajiet jippersisti. Farrugia stqarr li jinsab kburi li l-investiment li sar f’numru ta’ tfal f’dawn il-kommunitajiet ta’ faqar snin ilu, illum il-ġurnata wassal biex l-istess studenti saru għalliema u tobba u qed iroddu lura dak li tgħallmu fl-istess komunità.

“It-teknoloġija qed tgħin ħafna f’dan il-qasam, l-importanti li ma ninsewx problemi ta’ kuljum biex inżidu n-nefqa fuq l-innovazzjoni”.