Sport
Jgħid li bir-raba’ uffiċjal jaf kien jiġi evitat l-iżball ta’ plejer żejjed

L-MFA qed tinvestiga kif f’partita tal-F.A Trophy, it-tim tax-Xewkija Tigers, li suppost kien qed jilgħab b’għaxar plejers għaliex kellu wieħed imkeċċi, spiċċa l-partita bi ħdax-il plejer.

Pietà marru fil-vantaġġ wara nofsiegħa logħob, bil-gowl ta’ Clyde Bouvet huma żiedu l-iskor fl-44 minuta, meta Ze Lucas skurja minn penalty. Minuta wara tkeċċa l-plejer Rodney Buttigieg tax-Xewkija wara li rċieva t-tieni karta safra.

Minkejja li ħarġu għat-tieni taqsima b’10 plejers, ix-Xewkija Tigers sabu x-xibka bil-gowl ta’ Claudio Pavlidis. Sad-90 minuta l-iskor kien dak ta’ 2-1.

Fl-aħħar ħinijiet tal-partita, meta x-Xewkija Tigers kienu qed jirsistu biex jiksbu d-draw, ġlieda li qamet fuq il-bank tas-sostituti ddevjat l-attenzjoni. Hawnhekk jidher Manuel Scerri tax-Xewkija Tigers mill-bank tas-sostituti daħal fil-ground u kien parti mil-assalt tat-Tigers biex jiksbu d-draw fil-grawnd taċ-Ċentinarju.

Id-Direttur interim tar-Referees fi ħdan l-MFA Charles Agius qal ma’ Television Malta li l-MFA qegħda tinvestiga l-każ. “Din hi xi ħaġa li kulħadd jagħmel żball, li jiddispjaċini f’isem ir-referees u t-timijiet involuti, u veru li kienet spiċċat il-partita, però l-affarijiet ta’ dixxiplina ma nistax naqtagħhom jiena, iridu jgħaddu miċ-channels tal-MFA.”

Is-Sur Agius żied li kieku l-logħba kienet tinkludi tim tal-BOV Premier League, kieku kien ikun hemm assenjat għal-logħba r-raba’ uffiċjal, u b’hekk kienet tkun iktar faċli li r-referees jinnutaw il-plejer żejjed li daħal fl-aħħar mumenti għat-tim tax-Xewkija.