Lokali
Jgħid li l-periklu tal-maltemp għadda iżda jħeġġeġ lill-pubbliku jevita ħruġ bla bżonn

Il-maltempata li laqtet lill-gżejjer Maltin illum tista’ titqies bħala waħda mill-agħar li laqtet lil Malta.

Iktar kmieni llum, l-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qal ma’ TVMnews+ li l-aħħar darba li Malta għaddiet minn maltempata simili kien fil-25 ta’ Ottubru li għadda meta l-iktar li niżlet xita kien f’Bengħajsa u tkejlu mat-80mm. Madankollu, fl-aħħar 24 siegħa l-aktar post li ntaqat mix-xita kien Selmun, fejn tkejlu 107mm. Matul il-ġurnata, rajna wkoll diversi ħidmiet ta’ salvataġġ mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fi stqarrija tard waranofsinhar, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal li l-periklu tal-maltemp jidher li għadda. Qal li r-riżorsi tad-dipartiment bdew jiffokaw fuq operazzjonijiet sekondarji u se jkunu qed jirrispondu għal sejħiet li mhumiex ta’ emerġenza iżda huma riżultat tal-maltemp li ħakem il-pajjiż fis-sigħat li għaddew. Dan jinkludi tqaċċit ta’ siġar, għargħar u danni oħra.

Madankollu, id-Dipartiment appella għall-kawtela u ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkopera u jevita ħruġ bla bżonn.

Intant, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, irringrazzja lill-forzi tal-ordni kollha, fosthom lill-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Korp tal-Pulizija u lill-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) tal-għajnuna tagħhom, kif ukoll lil entitajiet oħrajn fosthom id-Dipartiment tat-Tindif u għaqdiet non-governattivi.

Ara wkoll:

“Il-kwantità ta’ ilma li niżlet f’daqqa affettwat lill-pajjiż kollu u staġnat diversi toroq”