Lokali
Jgħid li ma jistax jgħix mingħajrha – wieħed mill-5 akkużati b’pussess ta’ materjal pornografiku
Ħames irġiel, tlieta Maltin u tnejn barranin li għandhom bejn 20 u 45 sena, ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’pussess u tixrid ta’ materjal pornografiku ta’ minuri. Il-prosekuzzjoni mmexija mill-ispetturi Joseph Busuttil, John Spiteri u Justine Grech qalu li kienu l-Interpol li nfurmaw lill-Pulizija Maltija b’diversi nies li kienu qed iniżżlu u jaqsmu materjal pornografiku ta’ minuri.
F’kull każ id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax għalkemm il-minuri fil-filmati ma ġewx abbużati mill-akkużati xorta sfaw vittmi ta’ abbuż biex ittieħdu r-ritratti u l-filmati. Saħqet li xi ħadd irid jissalvagwardja l-interess tal-minuri li għadhom mhux kollha identifikati u jista’ jkun hemm uħud minnhom Maltin.
Filkaż taż-żewġ barranin, wieħed mill-Filippini u l-ieħor mis-Sirja, il-prosekuzzjoni argumentat li dawn jistgħu jaħarbu mill-pajjiż. Fil-każ tal-Filippin, il-prosekuzzjoni argumentat li l-kontenut li nstab fil-pussess tiegħu tant huwa disturbanti li l-persuna li ġibdet il-filmat ta’ xi ħadd jagħmel l-att sesswali ma’ tarbija tat-twelid, fil-Filippini ngħata l-piena tal-mewt.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale rat il-gravità tal-akkużi u li għad fadal xhieda x’jitressqu, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li ħeġġet lill-prosekuzzjoni sabiex tressaq ix-xhieda li fadlilha mill-aktar fis.
Filkaż tal-iżgħar akkużat ta’ 20 sena, id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono u Marion Camilleri, qalet li dan għadu student u kellu kurżità iżda l-prosekuzzjoni qalet li l-kurżità baqgħet għaddejja tant li l-akkużat stqarr magħha li għandu bżonn il-pornografija kuljum. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu bżonn jingħata trattament.
F’dan il-każ il-Qorti filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ordnat li jinżamm Monte Karmeli u lill-awtoritajiet tal-probabtion ordnatilhom biex jagħtuh l-għajnuna meħtieġa sabiex waqt li akkużat qiegħed taħt arrest, jibda l-kura li għandu bżonn.
Wieħed mill-akkużati, kien akkużat ukoll b’pussess u traffikar tad-drogi kannabis u kokaina li nstabet waqt li l-Pulizija kienet qed tinvestiga l-materjal pornografiku ta’ minuri. L-avukat difernsur Veronique Dalli qalet li l-akkużat ammetta mal-Pulizija li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu.