Saħħa
Jgħid li Monte Carmeli mhux addattat għall-kura moderna

Iċ-Chairman għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Anton Grech qal li jekk il-kura għas-saħħa mentali tkun effettiva fil-komunità anqas ikun hemm il-ħtieġa għall-isptar tas-saħħa mentali. F’intervista ma’ TVM, huwa rrikonoxxa li l-isptar Monte Carmeli mhux addattat għall-kura moderna u li partijiet minnu huma kkundannati. Iżda, għamilha ċara li l-ebda pazjent ma jinsab fil-periklu.

F’binja li għandha aktar minn 150 sena, iċ-Chairman għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Dr Anton Grech għaraf li hemm ħtieġa għal tibdil kbir fl-Isptar Monte Carmeli f’Ħ’Attard.

“M’għadhiex equipped sew għall-bżonn ta’ kura xjentifika moderna. Il-pjanijiet huma hemm żewġ livelli. L-ewwel nett x’se jiġri b’mod immedjat u t-tieni x’jiġri ‘l quddiem wara li jkun hemm sptar ġdid għall-kura akuta ma’ Mater Dei.”

Dr Grech qal li xi partijiet tal-Isptar Monte Carmeli huma kkundanati u numru ta’ swali ngħalqu. Għamilha ċara li m’hemm ebda periklu għal pazjenti li ġew trasferiti fi swali oħrajn.

“M’hawn l-ebda pazjent li qiegħed ġo area li qiegħed ta’ periklu fiżiku, però qed isir proċess fejn qed jittranġaw swali ġodda ħalli ma noqogħdux nistennew li jinfetaħ sptar ġdid.”

Dr Grech qal li fi ftit ġimgħat oħra mistennija jibdew jintużaw iż-żewġ swali li tranġaw fl-aħħar ġimgħat sabiex imbagħad jibda x-xogħol fuq swali oħrajn.

Żied li l-pjan fit-tul għal Monte Carmeli huwa li l-kura akuta tinfired minn trattamenti fit-tul. Il-pjan hu li din it-tip ta’ kura tingħata mill-isptar li se jinbena qrib Mater Dei u mill-Isptar Monte Carmeli tingħata biss kura speċjalizzata.

“Meta ngħidu kura speċjalizzata long term bħal nies li jkunu ta’ età kbira – geriatric cases jew nies li għandhom problemi ta’ abbuż ta’ droga jiġifieri s’issa l-pjan huwa għalhekk.”

Dr Grech qal li pazjenti li kienu l-Isptar Monte Carmeli, mhux minħabba problemi ta’ saħħa mentali, inħarġu minn dan l-isptar. Fl-isptar għad hemm 353 pazjent, 228 raġel u 125 mara.

Il-pazjenti bi problema ta’ saħħa mentali akuta għandhom medja ta’ erbgħin sena, filwaqt li l-każijiet kroniċi, li jinkludu l-aktar lill-anzjani li għal ħafna minnhom l-isptar sar id-dar tagħhom għax m’għandhomx post ieħor fejn imorru.

Dr Grech irrimarka li tfal u żgħażagħ ma jiddaħħlux fis-swali tal-Isptar Monte Carmeli, imma jingħataw kura f’dar li hemm qrib l-isptar. Qal li l-pjan hu li tfal li għandhom inqas minn tnax-il sena ma jiddaħħlux fi swali psikjatriċi imma jidħlu fi swali tal-mediċina f’Mater Dei. Waqt li l-adolexxenti jingħataw kura f’sezzjoni apposta fil-binja l-ġdida li se jkun hemm f’Mater Dei.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta tal-oppozizjoni biex il-kummissarju l-ġdid jinħatar b’mod li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Qal li għalkemm hu tajjeb…

Politika

Fl-ewwel attività politika tiegħu bħala Prim Ministru fir-Rabat Għawdex, Dr Robert Abela qal li kuntrarju għal partiti oħra, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu mill-elezzjoni għall-mexxej ġdid. Il-Mexxej Laburista qal li…

Kronaka

Għawdxija ta’ 35 sena tilfet ħajjitha waqt li dalgħodu kienet qed togħdos fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am. Il-Pulizija qalet lil TVM li l-mara, li hija mir-Rabat, Għawdex,…

Aktar