Politika
Jgħid li se jara li jasal il-jum li t-3 sptarijiet jingħataw lura lill-poplu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li se jara li jasal il-jum li t-tlett sptarijiet jingħataw lura lill-poplu għax dak li sejjaħ il-ħniżrijiet tal-Gvern fuq is-saħħa huma bla preċedent.

Intervistat fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia staqsa għaliex il-Prim Ministru mhux jaqbeż għall-Maltin u għadu qed jaċċetta li l-poplu jħallas il-miljuni fis-sena biex jiġu aġevolati kumpaniji barranin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, sejjaħ skandaluż il-ftehim li nnegozja l-ex Ministru Konrad Mizzi biex it-tliet sptarijiet ingħataw lill-barranin. Dr Delia qal li dan il-kuntratt rabat lill-poplu ma’ kumpanija li ħadd ma jaf ta’ min hi, mingħajr kapital u bla garanziji bankarji. Intervistat fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li l-Vitals ingħataw kuntratt ta’ €2,000 miljun biex imexxu t-tliet sptarijiet għal 90 sena meta l-kumpanija ma kellhiex esperjenza fil-qasam tas-saħħa.

Il-Kap Nazzjonalista allega li l-Prim Ministru ilu jaf b’dan il-ftehim u bil-garanzija ta’ €100 miljun għal Steward jekk tfalli għax kien konsulent tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa fakkar li f’Jannar, il-Prim Ministru qal li se jqabbad esperti biex jaraw dan il-kuntratt u sitt xhur wara, Dr Abela baqa’ m’għamel xejn.

Hu staqsa għalfejn Dr Abela għadu qed jaċċetta li l-poplu jħallas il-miljuni fis-sena biex jiġu aġevolati kumpaniji barranin li qed jisirqu lill-Maltin. Dr Delia tenna l-istedina lill-Prim Ministru biex flimkien imorru l-Qorti ħalli jitwaqqaf dan il-ftehim.

Dr Delia qal li jeħtieġ li jitnaddaf dak li sejjaħ ħmieġ b’sistema fejn issir ġustizzja u titneħħa l-kultura tal-impunità biex tissewwa r-reputazzjoni tal-pajjiż. Il-Kap Nazzjonalista qal li jrid li l-pajjiż jgħaddi mill-eżami tal-Moneyval biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fuq l-impjiegi.

Dr Delia qal li hu kuntent li l-Gvern għal darb’oħra sema’ mill-Oppożizzjoni u l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti se tieqaf għax skont hu, din kienet qed tattira persuni b’passat kriminali. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jinċentiva niċeċ ekonomiċi ġodda biex jinħolqu impjiegi ġodda għall-persuni qiegħda li qal qegħdin jiżdiedu.