Qorti
Mixli li seraq u hedded lil bintu b’sikkina meta ġiet tarah Malta għax qal li se jmut

Sirjan ta’ 53 sena li jgħix Buġibba nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded u ħebb għal bintu ta’ 18-il sena b’sikkina u kkaġunalha ġrieħi serji, li kkaġuna repetutament biża f’bintu li se tintuża vjolenza kontriha, li żammha kontra l-volontà tagħha u li serqilha mat-€3,000. Fil-Qorti huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-Ispettur Ryan Vella jgħid lill-Qorti li l-pulizija kellha tressqu b’arrest għaliex jumejn ilu daħal b’mod aggressiv għall-bintu fl-għassa tal-Qawra stess, waqt li bintu kienet qed tagħmel rapport dwaru.

L-akkużat hu Amanadi Al Barhumi li qal jaħdem fil-kisi tal-bini. Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-bint Yamamah Al Barhumi fil-preżenza ta’ missierha fl-awla. Qalet li wasslet Malta mill-Greċja lejn l-aħħar ta’ Awwissu li għadda biex tara missierha kif inhu peress li hu kien qed kontinwament iċempel lilha u lill-erba’ ħutha jgħidilhom li hu marid ħafna u li kien se jmut. Hi kienet tgħix m’ommha u erba’ aħwa oħra l-Greċja. Qalet li missierha u ommha huma ddivorzjati.

Xehdet li mal-wasla tagħha f’Malta, wara tlett ijiem tgħix f’lukanda, marret tgħix ma’ missierha f’appartament f’Buġibba. Qalet li missierha beda jgħidilha li ma kienx ser imantniha u li riedha taħdem, iżda hi qaltlu li ġiet Malta biex tara kif inhu u mhux biex tgħix miegħu. Qalet li beda jżommha maqfula ġewwa, jsawwatha kważi kuljum, jiġbdilha xagħarha u għamlilha tbenġil kemm fuq darha kif ukoll taħt il-kustilji. Qalet li darba minnhom heddidha b’sikkina u qallha li m’għandux flus u li kien se jeħodilha l-flus kollha li ġabet magħha mill-Greċja u wara jżewwiġha lil raġel Libjan ta’ 80 sena li għandu ħafna ħwienet.

Bid-dmugħ f’għajnejha, ix-xhud qalet lill-Qorti li fil-Greċja kienet se tibda l-università u missierha kien qed iħassrilha l-pjani tagħha għal futur aħjar. Xehdet li darba waqt li kienet rieqda ndunat li missierha daħal fil-kamra fetħilha l-handbag fejn kienet qed iżżomm il-flus li ġabet magħha u seraqhomlha. Qalet li meta staqsietu għaliex ħadhomlha, missierha ta daqqa ta’ ħarta fuq wiċċha, ġibdilha xagħrha u ma qalliex għaliex ħadhomlha.

Irrakkontat li meta heddiha b’sikkina rnexxielha timbuttah u ħarbet mill-appartament u bl-għajnuna ta’ xi nies marret l-għassa tal-Qawra fejn għamlet rapport dwar x’kien qed jagħmlilha missierha. Waqt li kienet l-għassa, daħal għaliha missierha u beda jgħajjat magħha u qallha li jekk kienet se tgħid xi ħaġa kontrih kien se joqtolha. Il-Pulizija pproteġewha u ħaduha f’parti oħra tal-għassa.

Lill-Maġistrat, ix-xhud qaltilha li hi lesta li taħfer lil missierha u twaqqaf il-proċeduri kontrih, fuq kundizzjoni li jagħtiha flusha lura, jew imqar €500 biex hi tkun tista’ tixtri biljett tal-ajru għall-Greċja u tmur lura ħdejn ommha u ħutha. Fil-Qorti l-missier qal li se jissellef €500 mingħand ħabib tiegħu sabiex jagħtihom lil bintu biex din tkun tista’ tmur lura lejn il-Greċja. Għalhekk il-Qorti ddefirixxiet il-kawża għal nhar il-Ġimgħa biex tiddeċiedi prima face mill-fatti ppreżentati. F’dan l-istadju d-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.