Annimali
Jgħidu li l-liġi ttellfilhom ħobżhom – kieku mhux għalihom iż-żwiemel inqatlu

Numru ta’ kuċċiera qalu li qegħdin jikkunsidraw li jiftħu kawża fil-Qorti biex ireġġgħu lura l-avviż legali li bih ma jistgħux jaħdmu bil-karrozzin bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar f’Lulju u f’Awwissu. Waqt li l-avviż legali ntlaqa’ tajjeb mill-għaqdiet favur l-annimali, il-kuċċiera li tkellmu ma’ TVM qalu li dan qed jhedded l-għixien tagħhom għaliex huma l-aktar xahrejn u l-aktar ħinijiet li fihom ikollhom ix-xogħol.

Ix-xemx mgħajba li kellhna waranofsinhar kompliet żiedet il-frustrazzjoni tal-kuċċiera tal-karozzini li kellhom jirrifjutaw il-passiġġieri bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar minħabba l-avviż legali li daħal fis-seħħ il-ġimgħa li għaddiet.

Ħdejn il-bieb tal-Imdina, il-kuċċiera lmentaw li r-regolamenti ġodda qatagħlhom saqajhom għax ma jistgħux jaħdmu meta l-aktar li jkollhom talba mit-turisti għas-servizz tagħhom.

”Dawn ix-xahrejn l-aqwa xahrejn tas-sena, ta’ tnax il-xahar, l-iktar li jkun hawn turisti…”

Il-kuċċiera sostnew li bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar l-iktar ħin li jistgħu jdawru lira.

”It-turist x’ħin isiru l-erbgħa, tal-vapuri jitilqu biex jaħsbu għall-kumplament tal-cruise tagħhom, li qegħdin fil-lukandi, jaħsbu biex imorru jinħaslu u jbiddlu biex joħorġu filgħaxija ġifieri wara l-erbgħa, inti mhux ser tgħabbu nies, jien illum €35 qlajt.”

Il-kuċċiera fil-Belt sostnew li ftit ikunu l-vjaġġi u ż-żwiemel jilħqu jistru bejn vjaġġ u ieħor. Żied jgħid li bir-regoli l-ġodda probabbilment illum ma kienx ħa jagħmel vjaġġ wieħed.

”Bejn is-siegħa u l-erbgħa x’ser tibdew tagħmlu? Xejn, issa jdoqqu s-siegħa kulħadd imur f’postu u jmur lejn id-dar, ser toqgħod hawn sal-erbgħa tistenna? Ser ikolli mmur lejn id-dar għax mhux worth it noqgħod hawn nistenna għalxejn.”

Mistoqsija dwar is-saħħa taż-żwiemel, il-kuċċiera qalu li ż-żiemel jaħdem irid, b’kuċċier minnhom jgħid li kieku mhux għalihom dawn iż-żwiemel ilhom li nqatlu.

”Tliet kwarti miż-żwiemel li hawn bil-karozzini, dawn mhux tajbin għat-tiġrija għax ma jiġrux, xtrajnihom aħna tajbin għalina, għax kieku dawn qegħdin mejtin. Dak imisshom jgħidu l-animal lovers.”

Is-soluzzjoni li jaraw il-kuċċiera kontra l-abbuż taż-żwiemel huwa li jkun hemm uffiċjal mediku li jara jekk iż-żiemel mhux eżawrit.

”Iż-żiemel ibati, jurik li jbati, għandek sistema, ejja ħa nurik, meta ż-żiemel tagħmillu hekk u l-laħam idub, jerġa’ jiġi bħal ma kien, dak ikun żiemel li tista’ tużah il-ħin kollu. Jekk tibqa’ wieqfa, hemmhekk trid tieqaf.”

Il-kuċċiera qalu li qegħdin jikkunsidraw li jiftħu kawża biex ireġġgħu lura din id-deċiżjoni.

”Illejla għandhom laqgħa ma xi avukat, biex forsi ħa nifthu kawza, u aħna sakemm tinfetaħ il-kawża u sakemm jiġru dawn l-affarijiet, ser noqgħodu hekk, b’id wara u oħra quddiem.”

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fi żmien l-adolexxenza u fl-ewwel snin taż-żgħożija, kienet tevita li tieħu ritratti, għax saret tobgħod id-dehra tagħha. Dorothy Scicluna rrakkontat ma’ TVM kif kienet konxja li hija rqiqa aktar milli…

Sigurtà

L-interventi tal-lifeguards, li huma stazzjonati fil-bajjiet Maltin, huma kruċjali u ġieli jagħmlu d-differenza bejn ħajja u mewt. Żorna wħud mill-bajjiet Maltin u tkellimna mal-lifeguards dwar is-servizz li jagħtu. Il-ġurnata tipika…

Festi

Ħadd wara l-festa ta’ Santa Marija, illum ġew iċċelebrati tliet festi li jħaddnu elementi uniċi. TVM żar il-purċissjoni ta’ Santa Liena li ssir filgħodu, l-offerta għall-irfiegħ tal-istatwa ta’ Santa Marija…

Kronaka

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa…

Aktar