Qorti
Jhedded lil martu li jekk jaraha ma’ ieħor itajjarha bil-karozza

Raġel ta’ 40 sena li jgħix Bormla kien ikkundannat 19-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li hedded lil martu li jekk jaraha ma’ ieħor itajjarha bil-karozza.

Il-koppja għaddejja mill-proċess ta’ separazzjoni bir-raġel ġie akkużat mill-Ispettur Joseph Xerri li fit-3 ta’ Marzu 2020 segwa lil martu u li fil-ġimgħat ta’ qabel heddidha u taha fastidju.

Ir-raġel ma nstabx ħati li segwa lill-mara fuq il-post tax-xogħol tagħha imma nstab ħati li ċempel u hedded lil martu.

Dan irriżulta kemm mix-xhieda tal-mara kif ukoll minn dik ta’ binthom li stqarret kif huwa qalilha li hemm ċans li “jaqilgħu daqqa ta’ karozza”.

Minbarra s-sentenza sospiża l-Maġistrat Gabriella Vella wissietu li jekk idejjaq lil martu kien se jiġu mmultat €7,000.